Prof. Paolo Carabott L.R.S.M., L.L.C.M.

 

Paolo CarabottIl-Professur Paolo Carabott kien vjolinċellista magħruf sew f’Malta kif ukoll fil-Kontinent. Huwa twieled il-Belt Valletta nhar il-21 ta’ Mejju 1906 u miet fid-19 ta’ Lulju 1976, fl-għomor ta’ sebgħin sena. Sa minn ċkunitu studja mużika u strument taħt missieru Mro Paolo li kien skular tal-Professur Antonio Carri; studja l-armonija taħt it-tmexxija ta’ Mrs El. Pace Inglott u żied l-itħarriġ fl-armonija, kontrapont, strumentazzjoni, eċċ. taħt Mro Carmelo Pace F.L.C.M. u Dr. T.R. Mayne. Ta’ 16-il sena laħaq prim ċellista tat-Teatru Rjal u hu l-ewwel Malti vjolinċellista li kiseb id-diploma Associate (A.L.C.M.) u Licentiate (L.L.C.M.), tal-London college of Music, diploma ta’ Licentiate tar-Royal Schools of Music (L.R.S.M.) u l-ewwel Malti li kiseb medalja tad-deheb tal-A.L.C.M. u oħra tal-L.L.S.M. fir-Renju Unit. F’kompetizzjoni tal-London College of Music ħareġ l-ewwel fost il-kompetituri tal-Ingilterra. Kiteb studji mużikali tal-vjolinċell: Sudio dell’Arco, u Left Hand Technique apprezzati minn vjolinċellisti barranin u kompożizzjonijiet mużikali oħrajn. Kien surmast u direttur ta’ diversi orkestri, fosthom dik Santa Marija.

 

Referenzi: Programm Festa Santa Marija 1995, Mqabba, paġna 111 – Kitba tas-Sur Joseph Farrugia.