Joseph Ghigo

 

Guzepp GhigoIs-Sur Guzepp Ghigo ilu midħla tal-każin sa mill-1935. Dik is-sena saret festa għad unur l-għeluq il-25 sena tar-Re Ġorġ V fuq it-tron tal-Ingilterra. Kienu saru festi kbar. Il-każin kien armat bil-bandalori mal-pilastri. Guzepp qatt qabel ma kien ra dawk l-affarijiet u allura kienu dawn li ressquh pass pass lejn il-każin, u l-impressjoni baqgħet f’moħħu.

 

Guzepp kien dilettant kbir tal-logħob tan-nar tal-art, u moħħu kien dejjem għaddej, jaħseb kif jista’ joħloq xi ħaġa ġdida, u li tkun l-ewwel ġol-Imqabba, u kif ukoll forsi ġo Malta. Kien xogħol li jirrikjedi ħafna ħsieb. Żewġ innovazzjonijiet li ħarġu mingħand Guzepp kien propju l-universal joint kif ukoll il-famuż arloġġ repplika ta’ dak tal-Knisja Parrokkjali li kien saħansitra jdoqq it-tokki. Il-ġibda għall-każin u għall-festa kienu l-kaġun li ta ruħu u saħħtu għal dak l-iskop. L-ewwel kien ġie elett bħala segretarju u saħansitra wara bħala President tas-Soċjetà bejn is-snin 1975 u 1977, għax il-partitarji kienu jaraw fih bniedem ħabrieki, onest u patrijott kbir lejn il-każin. Guzepp Ghigo flimkien ma’ ħutu Kola u l-mibki Dun Karm huma benefatturi tas-Soċjetà.

 

Fis-snin tmenin għaddew biċċa art lis-Soċjetà fejn illum jinsab wieħed mill-imħażen.

 

Is-Sur Guzepp Ghigo jew aħjar kif dejjem kien magħruf ma’ kulħadd bħala ‘n-Naqxi’ ħalla dan il-wied tad-dmugħ nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Frar 2011. Il-funeral sar l-għada s-Sibt 12 ta’ Frar 2011 fil-Knisja Parrokkjali tal-Imqabba ddedikata lill-Assunzjoni ta’ Marija li tagħha Guzepp kien tant devot.