Charles Sciberras

 

Dr. Charles SciberrasIt-Tabib Carmel M. Sciberras twieled l-Imqabba fit-28 ta’ Settembru 1951, iben Giovanni Sciberras u Vincenza née Sciberras.

 

Ħa l-edukazzjoni primarja fl-Iskola tal-Gvern fl-Imqabba u dik sekondarja fil-Liċeo l-Ħamrun. Kompla l-istudju tax-Xjenza fil-Junior College tal-Università ta’ Malta. Wara, għamel xi żmien jgħallem il-Matematika fil-Kulleġġ Dumnikan St. Albert the Great. Fl-1972 beda l-istudju tal-Mediċina u temm dan l-istudju b’suċċess fl-1977 meta ħa l-lawrija tad-Dottorat fil-Mediċina. Minħabba s-sitwazzjoni prevalenti ta’ dak iż-żmien fil-kamp mediku, kellu jmur l-Ingilterra biex ikompli jipprattika l-Mediċina fejn ħadem f’diversi sptarijiet u wara sar speċjalista fil-Mediċina tal-Familja. Fl-1983 irritorna bil-familja f’Malta u beda jaħdem bħala Tabib fil-Kura Primarja fid-Dipartiment tas-Saħħa u bħala Tabib tal-Familja f’raħal twelidu l-Imqabba kif ukoll il-Qrendi u Ħaż-Żebbuġ, il-post fejn joqgħod. Fl-1992 ingħaqad mal-Korp tal-Pulizija bħala Tabib Ewlieni tal-Korp u llum jokkupa l-grad ta’ Supredentent fl-istess Korp.

 

Sa minn ċkunitu kien attiv ħafna fil-ħajja soċjali Mqabbija u kien membru ta’ diversi għaqdiet Mqabbin. Kien ħabrieki ħafna fil-kamp taż-żgħażagħ u kien wieħed miż-żgħażagħ pijunieri li ħabierku ħafna u meddew idejhom biex infetaħ l-Youth Centre.

 

Sa miż-żgħożija beda jinvolvi ruħu fit-treġija tas-Soċjetà Santa Marija billi daħal fil-Kumitat tal-istess każin. Fl-1973 inħatar President tal-istess Soċjetà Santa Marija. Wara tlett snin, minħabba raġunijiet ta’ studju, iddimetta minn din il-kariga. Il-bidu tas-snin sebgħin kienu diffiċli ħafna għas-Soċjetà kemm mill-att lokali kif ukoll minn dak governattiv. Il-President kien biddel l-istruttura tal-fuljett tal-programm tal-festa billi żied in-numru ta’ paġni miktuba. Din kienet xi ħaġa nnovattiva li saret għall-ewwel darba fil-festi Maltin kollha. Inbidlet ukoll iz-zokklatura tal-faċċata tal-każin u nbidel id-drapp tal-istandard Malti. Sar ukoll ir-restawr tal-armar eżistenti. Iżda l-akbar opra għall-festa ta’ Santa Marija saret propju fil-Knisja Parrokkjali meta b’ħidma u ko-operazzjoni sħiħa mal-kappillan tkabbru u nbidel il-post ta’ fejn jintramaw iż-żewġ linef kbar li jinxtegħlu biss f’Santa Marija. Saru anke l-linef żgħar li wkoll jintramaw biss f’Santa Marija. Ma’ dawn żdiedu żewġ linef oħra biex jakkompanjaw lil dawk li qabel kienu jintramaw fil-kappelluni u li jinxtelgħu fil-festi prinċipali tal-parroċċa.

 

Dr Sciberras baqa’ sal-lum attiv fis-Soċjetà u sena wara l-oħra jagħti l-kontribut tiegħu għall-festa ta’ Santa Marija.

 

Huwa miżżewweġ lil Valerie née Abela Medici, għandu erba’ ulied u joqgħod Ħaż-Żebbuġ.