Mro Julio Tanti

Mro Julio Tanti twieled fl-Imqabba fl-20 ta’ Lulju 1934 iben John u Karmena née Ghigo. Mro Julio Tanti beda jistudja l-mużika sa minn qabel l-età ta’ 11-il sena ġewwa l-każin tal-Banda Lily fl-Imqabba taħt Mro Joseph Darmanin A(Mus)L.C.M. li għallmu jdoqq diversi strumenti. Ta’ 11-il sena hu ddebutta mal-Banda Lily waqt il-Programm Mużikali li kien sar f’Diċembru 1945, permezz tal-istrument Quartino. Fl-1953 hu ġab l-ewwel Diploma fil-mużika, fejn imbagħad kompla l-istudji tiegħu taħt Mro Carmelo Pace u Mro Joseph Abela Scolaro.

 

Mro Julio Tanti kien is-suċċessur ta’ Mro Joseph Darmanin mal-Banda Lily. Hu laħaq surmast direttur tal-Banda Lily fl-1964 u dam sal-1980. F’dawk iż-żminijiet hu ta wkoll il-kontribut tiegħu fl-għaqda tad-drama ‘The Golden Lilies’ permezz ta’ kompożizzjonijiet u arranġameni għal waqt produzzjonijiet tagħha.

 

Matul il-karriera tiegħu Mro Julio Tanti rebaħ kompetizzjoni li kienet organizzata mill-Kumitat tal-Karnival ta’ Malta fis-snin sittin permezz tal-marċ ‘Teddies in Carnival’. Mro Joseph Tanti kien ukoll president tas-Soċjetà Madonna tal-Ġilju għal bosta snin.

 

Hu miżżewweġ lil Karmena miż-Żurrieq, u għandu tlett itfal, John, Charles u Marthese, fejn dawn kollha segwew il-karriera mużikali ta’ missierhom.

 

Fost kompożizzjonijiet li Mro Julio Tanti kkompona nsibu għadd ta’ marċi fosthom, Mayflower, Caqnu, L.I.F.E., Water Lily, Big Ben’s Melody, York, Three Brothers, Golden Band Stand, Sputnik, Middle East, It-Torri ta’ Bubaqra, Marthese, Splendid, Spanish Fiesta, Quo Vadis, John and Charles, Vagabond, Blue Grotto, King, Kennedy, Prima, Marcellino, Royal Teddies in Carnival, Nicholai, L-Ewwel Banda Mqabbija u Golden Jubilee.

 

Ad Multos Annos