Paolo Caruana

 

Paolo CaruanaPawlu Caruana magħruf bħala tal-Ave Maria twieled l-Imqabba fis-16 ta’ Awwissu 1867 bin Giuseppe u Gabriella xebba Ellul. Kien mgħammed mill-Kappillan Frangisk Vella. Il-parrini tiegħu tawh l-ismijiet ta’ Paulus, Marianus, Emanuel u Innocentius. Pawlu żżewweġ lil Caterina (sive Kekina) xebba Caruana. Pawlu kien ġej minn familja tat-tajjeb għax kienu bin-negozju tal-bhejjem. Il-ġenituri tiegħu ġieli ħallsu għal xi opri li saru fil-Knisja Parrokjali tal-Imqabba. Fl-1913 insibu li l-altar tal-Viżitazzjoni ta’ Marija Verġni kien irħamat spejjeż ta’ Giuseppe u Gabriella née Ellul.

 

Pawlu Caruana kien spiss jinnegozja ma’ pajjiżi barranin. Mhux l-ewwel darba li flimkien ma’ ħutu u martu Kekina kien isiefer għal skop ta’ kummerċ. Paola Sciberras, residenti l-Imqabba, tirrakkonta storja li semgħet mingħand il-kunjata tagħha Carmena Sciberras li darba waqt li Pawlu kien jinsab it-Tuneżija flimkien ma’ ħuh, aktarx Karmnu, inqabad priġunier. Kienu imbagħad bis-saħħa ta’ xi Tuneżini fqar li meta kienu Malta kien ħenn għalihom u ħalliehom jieklu l-karmus, li huwa ngħata l-libertà.

 

Insibuh askritt fis-Sodalità tal-Agonizzanti fl-20 ta’ Frar 1917. Insibu wkoll lil Pawlu Caruana President taċ-Ċirkolu San Giuseppe, imbagħad ta’ Santa Maria, u fl-1911 taċ-Ċirkolu Pio X u baqa’ President ta’ dan il-każin sal-1914. Pawlu Caruana miet fl-Imqabba l-Erbgħa 28 ta’ Frar 1917 fl-età ta’ 50 sena. Wara l-mewt tiegħu, martu Caterina żżewġet lil Giuseppe Zammit, ħu s-saċerdot Imqabbi Dun Innocenzo Zammit.

 

Referenzi: Lia Carmen (1960 – ): Ġrajjiet is-Soċjetà Santa Marija u l-Banda Re Ġorġ V fl-Istorja ta’ l-Imqabba – Mqabba: Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V, 1997 xvi,236p.:29.2cm ISBN 99909-68-30-6 paġna 16.