Is-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V hija komposta minn diversi fergħat u għaqdiet differenti. Dawn l-għaqdiet kollha ġew iffurmati sabiex il-partitarji kollha jkunu jistgħu jagħtu l-kuntribut siewi tagħhom f’dak il-qasam li huma jkollhom l-aktar talent fih. Permezz ta’ dawn it-talenti, il-partitarji jilħqu l-għanijiet prinċipali li għalihom ġiet imwaqqfa din is‐Soċjetà. Il-partitarji fi ħdan is-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V jagħtu l-kuntribut tagħhom f’dawn il-fergħat u għaqdiet differenti:
• Il-Kumitat Eżekuttiv jieħu ħsieb prinċipalment li jikkoordina mal-fergħat l-oħrajn kollha tas-Soċjetà sabiex jieħdu ħsieb il‐ħtiġijiet tal‐festi esterni ta’ Santa Marija. Dan jitwettaq billi matul is-sena jieħu ħsieb li jsiru diversi attivitajiet soċjali sabiex ikunu miġbura diversi fondi, biex b’hekk l-ispejjeż relatati mal-festa ta’ Santa Marija u diversi proġetti oħra li jkunu ta’ ġid għas-Soċjetà jkunu jistgħu jitwettqu.
• Il-Kummissjoni Banda tieħu ħsieb il-loġistika neċessarja sabiex il-Banda Re Ġorġ V tkun tista teżegwixxi d-diversi marċi u kunċerti li għalihom tkun mistiedna.
• Is-Sezzjoni Żgħażagħ tagħmel unur lill-festa permezz ta’ ħidma bla heda, kreattività u kapaċità liema bħala. L-attivitajiet nazzjonali li torganizza matul is-sena huma ta’ livell għoli li jagħmlu ġieħ lis-Soċjetà.
• Il-Fergħa Nisa għandha l-għan ewlieni li torganizza attivitajiet varji immirati lejn il-familja kollha matul is-sena kollha.
• L-Għaqda tal-Armar tieħu ħsieb issebbaħ it-toroq tal-lokal billi timmanifattura armar mill-isbaħ.
• L-Għaqda tan-Nar tagħti s-sehem tagħha bil-manifattura tan-nar tal-ajru, kif ukoll toħloq effetti innovattivi li prinċipalment jintwerew għall-ewwel darba matul il-ġimgħa tal-festa.
• L-Għaqda tan-Nar tal-Art tagħti s-sehem tagħha permezz tal-manifattura tan-nar tal-art, kif ukoll billi toħloq strutturi mekkanizzati li joħolqu effetti innovattivi.
• It-Tfal tat-Titular toffri l-kontribut tagħha billi tieħu ħsieb sabiex it-tfal tar-raħal jinġabru f’ambjent ferrieħi, divertenti u fl-istess ħin edukattiv. Permezz ta’ din il-fergħa, il-futur tas-Soċjetà jibqa’ garantit.
• Go Reds adoloxxenti TITULARI tagħti s-sehem tagħha sabiex l-adoloxxenti li huma l-blanzuni taż-żgħożija jkollhom idea ta’ x’inhu kumitat u jitrawmu b’ċertu responsabbiltajiet u valuri, filwaqt li jkunu mħeġġa jaqsmu l-ideat u l-opinjonijiet tagħhom.
• Is-Saint Mary Pool Team huwa tim ġdid fil-logħba tal-pool li jirrappreżenta lis-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V.
• Il-Kummissjoni Manutenzjoni tieħu ħsieb xogħol u manutenzjoni, u tisbieħ kemm fil-każin kif ukoll fil-proprjetajiet kollha li għandhu l-każin, u l-inġenji li għandha s-Soċjetà. Permezz ta’ din il-ħidma, il-fergħat l-oħra jkunu jistgħu jwettqu l-ħidma tagħhom b’iktar effiċjenza u kumdità.
• Il-Kummissjoni WEB tieħu ħsieb il-koordinament, il-promozzjoni u l-użu tal-mezzi tal-kommunikazzjoni tas-Soċjetà. Dan tagħmlu bl-iskop li jinżamm kuntatt kontinwu mas-soċji u partitarji.
Dawn il-fergħat huma mżewqin b’membri ħabbrieka li jaħdmu volontarjament sabiex jieħdu ħsieb il‐ħtiġijiet tal‐festi esterni ta’ Santa Marija.