Statwi u Vari fil-Knisja

 

Il-Vara Titulari Santa Marija

 

Jekk xi ħadd jidħol fil-Knisja Parrokkjali tal-Imqabba fil-ġranet ta’ matul il-festa ta’ Santa Marija, żgur li l-ewwel ħaġa li tiġbidlu l-attenzjoni hija l-vara tal-Patruna tar-raħal armata kif jixraq għal jum il-festa tagħha. Il-vara ta’ Santa Marija narawha fuq pedestal sarkofagu tal-fidda, uniku għal Malta fl-għamla tiegħu; fuq bradella u bankun prezzjużi nterzjati u mill-isbaħ, magħmulin mill-ġewż u kollha interzjati, uniċi għar-raħal tagħna; narawha kollha induratura, bi stellarju tad-deheb bil-ħaġar prezzjuż madwar rasha u b’sandli tad-deheb fin bi djamant f’riġlejha. Hija wkoll l-unika statwa fl-Imqabba li tissemma minn Achille Ferris fil-ktieb storiku tiegħu ‘Descrizione storica delle chiese di Malta e Gozo’ li ġie ppublikat fl-1866.

 

Fost il-poplu nibtet ix-xewqa li jkollhom statwa oħra, isbaħ minn dik li kellhom. Il-Kappillan Tumas Agius Caruana, jgħid li mal-ewwel ġbir għall-ispejjeż ta’ din il-vara, kważi ntlaħqet is-somma kollha meħtieġa, għalhekk huwa probabli li l-proġett tħabbar fil-bidu tal-1835, meta l-popolazzjoni tar-raħal ma kinetx tlaħħaq l-elf ruħ. Fost l-aħjar skulturi prominenti ta’ dak iż-żmien kien hemm Xandru Farrugia (1791-1871) li kien tgħallem l-arti tal-iskultura mingħand Mariano Gerada, l-aktar skultur Malti magħruf. Minħabba li l-vara ta’ Santa Marija ta’ Ħal Għaxaq, maħduma minn Mariano Gerada fl-1808, kienet meqjusa bħala l-isbaħ waħda, il-Kappillan Tumas Agius Caruana qatagħha li l-vara tal-Imqabba tkun maħduma tixbaħha. L-iskultur ġie avviċinat mill-kappillan u l-kleru tal-Imqabba u spjegawlu l-kundizzjonijiet għall-manifattura tal-vara fosthom li l-vara tkun lesta fi żmien disa’ xhur jiġifieri sal-aħħar ta’ Lulju 1836. Il-kuntratt sar fit-30 ta’ Ottubru 1835 fiż-Żejtun, ir-raħal minn fejn kien Farrugia quddiem in-Nutar Menville Massimiliano Troisi. Is-somma globali, li kienet tinkludi z-zokk li minnu nħadmet il-vara, ix-xogħol fl-injam u l-induratura, ammontat għal tliet mitt skud u wieħed.

 

Il-vara Titluri ta’ Santa Marija tal-Imqabba għandha erba’ puttini mas-sħab. Naraw li l-vara tal-Imqabba għandha poża li fiha ċerta eleganza filwaqt li rasha hija kollha merfugħa ‘l fuq. Il-vara hija ta’ stil serpentin barokk, l-aktar stil prestiġġjuz li minnu tista’ tkun magħmula vara tal-injam. Il-preġju li għandu dan l-istil huwa li meta tħares lejn il-vara din tidher qisha forma ta ‘S’. Ir-ras tkun immejla lejn ix-xellug, l-ispallejn ma jkunux fl-istess livell, is-sider ikun mixħut lejn il-lemin filwaqt li mill-qadd ‘l isfel ikun immirat mill-ġdid lejn ix-xellug. Il-Madonna tidher għarkubtejha fuq is-sħab fuq sieqha tal-lemin, filwaqt li b’tax-xellug qiegħda sserraħ mas-sħab. Dan l-istil jagħti lill-figura ċertu sens ta’ moviment u dinamiżmu li huwa nieqes fi stili oħra aktar statiċi bħan-neo klassiku, li fuqu huma magħmula ż-żewġ vari l-oħra li għandna fil-Knisja Parrokkjali. Fl-14 ta’ Awwissu 1836 saru ċelebrazzjonijiet kbar għall-wasla tal-vara ġewwa l-Imqabba li kienet twasslet proċessjonalment miż-Żejtun sal-Imqabba.

 

Jidher li għal bosta snin ma saret ebda innovazzjoni fil-vara għajr għall-induratura ġdida li nafu li saret fil-bidu tas-seklu għoxrin. Fi żmien il-Kappillan Dun Frangisku-Saverju Bonanno (1906-1922) nibtet ix-xewqa li l-vara jagħmlulha pedestal ġdid tal-fidda flok dak tal-injam kif ukoll bradella ġdida. Id-disinn ta’ dawn iż-żewġ opri kbar ġie fdat f’idejn l-Imgħallem Abram Gatt, magħruf ma’ Malta kollha għad-disinni oriġinali tiegħu u li diġà kien għamel xi xogħol għall-Parroċċa tagħna. Il-qabar tal-injam baqa’ jintuża fil-festi kollha ta’ Santa Marija mill-1836 sal-1927, iżda għall-ewwel darba fil-festa tal-1928 l-vara ta’ Santa Marija tneħħiet minn fuq il-qabar tal-injam u ġiet immuntata fuq qabar ġdid tal-fidda li kellu jservi bħala pedestal. Il-qabar l-antik illum huwa miżmum b’għożża kbira fil-Każin tas-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V tal-Imqabba. Il-qabar, ġie maħdum fl-injam minn Manwel Buhagiar ta’ Ħal Tarxien. Ix-xogħol tal-fidda kien fdat f’idejn id-ditta Antonio Ghezzi e Figli ta’ Milan u sewa s-somma ta’ £400. Din l-opra sabiħa saret b’sagrifiċċju u b’impenn mill-akbar. Il-ġbir għall-pedestal tal-fidda sar mill-familji, bis-sold ta’ kull nhar ta’ Ħadd. Jidher li l-ġbir għall-pedestal kien beda ħafna snin qabel l-1928 iżda peress li l-ġbir kien fqir, kellu jieqaf. Jingħad li kien bil-ħila ta’ Joseph Bugeja, President tas-Soċjetà, li l-ġbir kien reġa’ beda. Jingħad ukoll li Lord Gerald Strickland, waqt li kien qiegħed isir meeting fl-Imqabba kkontribwixxa £10 għall-pedestal. Il-kontijiet tal-ġbir u tal-ispejjeż kollha tal-pedestal ingħataw fl-okkażjoni tal-inawgurazzjoni tal-pedestal. Dan il-pedestal huwa wieħed mill-aqwa li hawn f’Malta u bil-ħila ta’ Abram Gatt, dan kompla sebbaħ il-vara ta’ Santa Marija. Fit-12 ta’ Jannar 1927 ġie ppreżentat rikors fil-Kurja tal-Arċisqof li jġib in-numru 70/1927 fejn l-Imqabbin Mikiel Zammit (il-Mejlaq) u martu Grazia Inguanez urew li xtaqu li jkunu l-benefatturi ta’ bradella għall-vara ta’ Santa Marija. Fit-22 ta’ Frar 1927 Mons. Arċisqof Mauro Caruana aċċetta t-talba li kienet saritlu fir-rikors. Wara li l-Imgħallem Abram Gatt ta’ Bormla lesta d-disinn, ġie deċiż li x-xogħol tal-injam tal-bradella kellu jsir mis-Surmast Manwel Buhagiar ta’ Ħal Tarxien waqt li l-Appostolat magħmulin mis-sycamore li huwa njam qawwi ħafna, ġie ordnat l-Awstrija għand id-ditta Ferdinado Stuflesser. Il-bradella swiet is-somma globali ta’ £194.6s.2d. Ix-xogħol esegwit fl-injam minn Mastru Buhagiar sewa £153. Qabel inbeda x-xogħol, Mastru Manwel Buhagiar ingħata kapparra ta’ £40. Tal-Appostolat, id-ditta Stuflesser tħallset is-somma ta’ £37.0.6d. Id-dazju li tħallas fuq l-Appostolat bis-7 u nofs fil-100 kien ta’ £3.2s.1d. Il-korrispondenza ma’ Stuflesser swiet £0.3s.7d. Kien hemm ukoll xi spejjeż oħra li tħallsu lin-Nutar tal-obligazzjoni (17s.0d) u lill-Kurja tal-Arċisqof għar-rikors (4s.0d) minn Giuseppe Zammit. Pjuma għat-tfarfir swiet 4s.6d. Il-bradella l-ġdida ttieħdet fil-Knisja Parrokkjali. Il-qabar tal-fidda kien ġie nawgurat is-Sibt 11 ta’ Awwissu fl-1928 fil-kappella tad-Duluri. Wara li saret Transulazzjoni tar-Relikwija, il-vara tal-Assunzjoni ġiet meħuda proċessjonalment mill-kappella tad-Duluri għall-knisja tal-Parroċċa, fost briju kif kien jixraq. Għal din l-okkażjoni, għall-ewwel darba fir-raħal, inħaraq murtal ta’ erba’ bombi magħmul minn Censu Galea (id-Derek).

 

Meta l-vara ġiet irrestawrata u ndurata mill-ġdid fl-1966, benefattur ħallas sabiex sarulha l-fjuretti tal-ganutill biex jitpoġġew fil-gastri tal-fidda li saru xi għoxrin sena qabel. L-aħħar xogħol ta’ nduratura li sar kien fil-1986 meta l-vara għalqet mija u ħamsin sena. Kienet ġiet sgraffita u ndurata mill-ġdid mill-induratur Horace Farrugia tal-Imdina. L-induratura li saret għalkemm ma żammitx għal kollox mal-ilwien u d-disinji l-oriġinali, xorta waħda hija ta’ valur estetiku kbir. It-tarf tal-mant ġie mżejjen b’bordura wiesgħa mimlija disinji, filwaqt li l-lewn tal-mant innifsu ġie skurat xi ftit u fuqu ġew iddisinjati bosta fjuri rqaq u delikati. Il-parti ta’ fuq tal-libsa ġiet miżbugħa ħamra aktar ċara milli kienet qabel, b’disinji simili għal tal-mant. Il-velu żdiditlu l-induratura u sar qisu magħmul mill-bizzilla maħduma f’disinji ta’ ward. L-anġlu liebes biċ-ċelesti u s-sħab ta’ taħt il-Madonna ġie ndurat bil-fidda. Fl-istess żmien ġie restawrat ukoll l-istellarju tad-deheb li ġie rinovat u miegħu twaħħal xi ħaġar prezzjuż sabiex aktar ikun jixraq li jżejjen ras ix-xbieha tant sabiħa. Kienu saru festi kbar meta l-istatwa waslet lura l-Imqabba. Madwar sentejn wara ġiet restawrata u msebbħa n-niċċa li ġo fiha tintrefa’ l-vara matul is-sena billi tkabbret xi ftit u fuqha ġew imwaħħla xbiehat tal-fibreglass ta’ anġli mdawrin bis-sħab sabiex il-vara tidher qisha tielgħa fis-sema. F’Mejju 1998 il-vara ttieħdet iz-Żejtun għand Tarcisio Cassar sabiex jitnaddfu l-qabar tal-fidda, is-sandli u l-istellarju tad-deheb. Kien ġie deċiż li t-tgħattina li teżisti fil-boċċa li hemm fl-arzella f’nofs il-pedestal tibqa’ hemm bħala tifkira dejjiema tal-akbar telfa li kellha l-Imqabba fl-istorja tagħha meta fil-gwerra nhar id-9 ta’ April 1942 il-knisja ntlaqtet minn bomba. Din it-tgħattina kienet ġiet ikkawżata minn xi ġebla li taret mal-isplużjoni tal-bomba. Wara dan ix-xogħol ta’ tindif, il-qabar reġa’ ħa d-dija tlellex li kellu oriġinarjament.

 

Il-vara artistika tiġi esposta dejjem matul il-kwindiċina sal-ottava tal-festa u kull sena toħroġ proċessjonalment, merfugħa mill-Fratelli tal-Konfraternità tas-Santissmu Sagrament lebsin il-mozzetta l-ħamra. Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-erba’ mitt sena mit-twaqqif tal-Parroċċa tal-Imqabba kien hemm il-ħsieb li l-vara tiġi esposta f’Settembru tal-1998 iżda għal diversi raġunijiet il-permessi meħtieġa ma ħarġux. Iżda bejn Ottubru u Novembru tas-sena 2000, meta ħabat il-ħamsin anniversarju mill-proklama tal-Assunzjoni bħala Domma tal-Fidi, il-vara ta’ Santa Marija tal-Imqabba ġiet armata fil-knisja daqs li kieku kienet il-festa. Kellna wkoll ix-xorti narawha mdawra proċessjonalment mar-raħal f’pellegrinaġġ aux flambeaux fit-30 ta’ Ottubru ta’ dik is-sena straordinarja.

 

Meta tħares lejn dak il-wiċċ ta’ ġmiel bla qies, ftit li xejn jgħaddilek minn moħħok kemm ra snin jgħaddu u kemm ġrajjiet u ġiri magħhom. Ħadd ma jista’ jiċħad il-venerazzjoni li kellhom missirijietna lejn din ix-xbieha qaddisa – xhieda ta’ dan huma l-ħafna ġojjelli li ngħatawlha bħala rikonoxximent ta’ grazzji maqlugħa jew b’sinjal ta’ devozzjoni. Illum il-ġurnata d-devozzjoni għandha tintwera billi jiżdied it-talb u l-attendenza fil-knisja b’mod speċjali fil-ġranet tal-festa. B’hekk biss inkunu nistgħu nkomplu t-tradizzjoni qaddisa billi naraw lill-Madonna Mtellgħa s-Sema bħala t-triq li twassalna għal għand Binha Ġesu’.

 

Referenzi
Fr. Jonathan Farrugia B.A. (Hons.), B.A. Theol. & Hum. Stud. S.Th.B. (1978 – ) Il-Vara Titulari ta’ Marija Assunta tagħlaq 165 Sena

 

Programm Festa Santa Marija – 2001; 165 sena mill-miġja tal-Istatwa Titulari ġewwa l-Imqabba 1836-2001, paġna 55-67

 

LIA, Carmen B. Ed. (Hons.), B. A. (1960 – ) Ġrajjiet is-Soċjeta’ Santa Marija u l-Banda Re Ġorġ V fl-Istorja ta’ l-Imqabba – Mqabba: Soċjeta’ Santa Marija u Banda Re Ġorġ V, 1997 xvi, 236p.: 29.2ċm ISBN 99909-68-30-6

 

statwa03 hp photosmart 720
 

Il-Vara tal-Kunċizzjoni popolarment magħrufa bħala Madonna tal-Ġilju

 

Lejn nofs is-seklu dsatax kien hemm ix-xewqa li ssir vara sabiħa tal-Madonna tal-Ġilju. Dak iż-żmien ma kienux għadhom jeżistu partiti u għalhekk l-inizjattiva kienet tiġi normalment min-naħa tal-kappillan innifsu bil-ġbir isir mingħand il-poplu kollu. Fil-fatt fi żmien il-Kappillan Dun Frangisk Vella li kien ilu jmexxi l-parroċċa sa mis-sena 1863, kien beda jsir il-ġbir għal din il-vara. Sfortunatament ma teżisti ebda dokumentazzjoni li turi meta l-vara ġiet ikkommisjonata u kemm ġiet tiswa kif fil-fatt teżisti fil-każ tal-vara Titulari ta’ Santa Marija. Li nafu żgur hu li Mastru Innocenz Zammit magħruf bħala “In-Naxxari”, li kien kuntrattur tat-toroq u li kien tat-tajjeb, kien daħal jagħmel tajjeb għal din il-vara bħala benefattur ewlieni.

 

Il-vara tal-kartapesta ġiet ikkumissjonata u nħadmet minn Ganni Darmanin tal-Isla għalkemm huma bosta li kienu jaħsbu li din il-vara nħadmet minn ħuh Karlu Darmanin li kien il-moħħ l-iżjed ġenjali fejn jidħlu statwi tal-kartapesta. Fil-ġenb fuq in-naħa ta’ isfel tal-vara tqiegħed anġlu bil-ġilju f’idejh. Dan minħabba li fl-Imqabba l-vara kienet ser tiġi msejjħa bħala dik tal-Ġilju u mhux bħala l-Immakulata Kunċizzjoni. Biss jingħad ukoll li l-anġlu sar sabiex ikun hemm xebħ mal-vara Titulari ta’ Santa Marija, li hi wkoll għandha anġlu maġenb riġlejha. Fl-istess żmien li Ganni Darmanin kien qed jagħmel l-vara l-Kan. Paolo Pullicino rregala flimkien ma’ diversi oġġetti oħrajn stellarju tal-fidda.

 

Il-vara tal-Madonna tal-Ġilju waslet l-Imqabba għall-festa tas-sena 1876 sewwasew fil-21 ta’ Mejju minħabba li qabel il-festa kienet tiġi ċċelebrata l-aħħar Ħadd ta’ Mejju. Din l-istatwa ġiet esposta fil-knisja u kellha tinħareġ fil-proċessjoni tal-istess festa. L-istatwa tal-Madonna taħt it-titlu minn tal-Ġilju ġiebet ħafna ferħ lejn l-Imqabba iżda kien hemm il-biża’ li kienet ser tqum xi pika żejda fost il-poplu minħabba li fl-Imqabba kien ser ikun hemm żewg festi importanti: waħda f’ġieħ Santa Marija u l-oħra f’ġieħ il-Madonna tal-Ġilju. Minn tagħrif li għadda minn fomm għal fomm, xejn dokumentat jingħad li Dun Salv Schembri, qassis tal-Parroċċa tal-Imqabba, kien għadda xi kummenti meta din l-istatwa kienet dieħla għall-ewwel darba fil-knisja. Jingħad li qal, “Dieħel id-demonja taħt forma ta’ anġlu.” Dan qalu għall-fatt li kien qed jara pika u nkwiet żejjed fil-parroċċa. Il-ġiljuwa tal-fidda ġiet offerta mingħand Giovanna Manche’ minn Bormla li f’dak iż-żmien kellha n-neputija tagħha bl-isem ta’ Eleonora milquta minn infezzjoni tas-sand-fly li tiġi minn gdim ta’ nemusa. Is-seftura tagħha li kienet mill-Imqabba ħajjrita tagħmel wegħda lill-Madonna tal-Ġilju. Fil-fatt it-tifla fieqet u Giovanna kompliet il-wegħda tagħha u offriet somma ġeneruża biex lill-Madonna tal-Ġilju titqegħdilha għal idejn l-anġlu dik il-ġiljuwa mixtieqa. Jingħad li qabel din il-wegħda l-anġlu kienet titpoġġilu ġiljuwa ta’ veru. Fil-fatt anke statwa oħra fl-Imqabba dik tal-Madonna tar-Rużarju jingħad li kienet titpoġġila warda ta’ veru u kienet tissejjaħ bħala l-Madonna tal-Warda. Ta’ min isemmi li matul is-sena l-istatwa titpoġġa fin-niċċa mingħajr l-anġlu iżda dan jintrama’ biss għall-festa tal-Madonna tal-Ġilju.

 

It-tieni gwerra dinjija ġabet magħha ħsarat kbar lill-Knisja Parrokkjali tal-Imqabba speċjalment nhar id-9 ta’ April 1942 meta bomba laqtet lill-knisja u ma setax jonqos lill-vara tal-Madonna tal-Ġilju. Insibu li f’rikors li għamel Dun Guzepp Xuereb fis-sena 1952 dan wera biċ-ċar li: “Qabel il-gwerra l-vara tal-Immakulata Kunċizzjoni, meqjuma fil-Knisja Parrokkjali tal-Imqabba kienet tiġi esposta fil-knisja fuq bradella għanja, skulturata u nttarsjata. B’xorti ħażina, din tfarrket fi żmien il-gwerra. Għall-għaxar snin, l-vara kienet qed titqiegħed fil-knisja fuq kaxxa ta’ njam ordinarju, li tiġi mgħottija minn biċċa drapp ħamra li biha titgħatta l-miżerja u l-indiċenza ta’ dik l-istess kaxxa.” Il-permess mixtieq li ssir bradella li tixraq lil din il-vara ngħata. L-iskultur Emmanuel Buhagiar minn Ħal Tarxien, għamel id-disinn tal-bradella, u aċċetta li jidħol għax-xogħol tagħha. Il-bradella tlestiet u ġiet inawgurata fis-sena 1954, is-sena meta d-dinja kienet qed tfakkar għeluq l-ewwel ċentinarju mid-Domma tal-Immakulata, mill-Papa Piju IX. Fis-sena 1971 saru xi restawri oħrajn fuq din il-vara. Guzeppi Farrugia ħallas is-somma ta’ tletin lira sterlina lil ċertu Paul Xuereb li deher għad-ditta F. Costanzo tal-Belt, għal dawn ir-restawri li saru. Fis-sena 1983, il-Kappillan Dun Manwel Vella ħass il-ħtieġa li din il-vara ssirilha r-restawr neċessarju għaliex kienet bdiet tixxaqqaq. Skond rapport tal-kurja, datat 22 ta’ Mejju 1984, jidher li: “L-ħsara tikkonsisti fi qtugħ tal-figura tal-Madonna minn mad-dinja li tpoġġi fuqha. Il-vara, bil-ħsara li għandha, tista’ tintuża, iżda hemm riskju kbir li tista’ ddur. B’tiswija immedjata tista’ tiġi evitata din il-ħaġa, u l-ispejjeż ukoll jibqgħu baxxi.” Kemm Dun Gino Gauci kif ukoll Glormu Dingli nsistew li x-xogħol kellu jsir fis-sajf sabiex il-ġibs ikun jista’ jinxef sewwa qabel ma ssir l-induratura. Għalhekk wara l-festa tal-1984 il-vara ttieħdet lejn ir-Rabat għand Glormu Dingli li għamel ir-restawr neċessarju. Wara l-vara ttieħdet lejn l-Imdina għand Horace Farrugia sabiex issirilha l-induratura. Wara kważi sena xogħol l-vara ġiet lura lejn l-Imqabba fis-27 ta’ Mejju 1985.

 
 

Referenzi:
L-IMQABBA mal-Medda taż-Żmien / editur Charles Farrugia – Imqabba: Kunsill Lokali, Imqabba u Parroċċa tal-Imqabba, 1998 – Xvii, 254p; 25cm ISBN: 99909-68-53-5

statwakuncizzjonitalgilju01 statwakuncizzjonitalgilju02
 

Il-Vara tal-Madonna tar-Rużarju

 

Sentejn qabel it-twaqqif tal-Parroċċa tal-Imqabba ddedikata lil Marija Assunta, fil-knisja ewlenija ta’ San Bażilju twaqqfet il-Fratellanza tal-Madonna tar-Rużarju fuq wieħed mill-artali laterali tal-istess knisja li kien iddedikat lill-Madonna taħt dan it-titlu. Id-data tat-twaqqif kienet id-29 ta’ Frar 1596. B’hekk nafu fiċ-ċert żewġ affarijiet: li l-ewwel fratellanza mwaqqfa fl-Imqabba kienet din u li, b’dan il-mod, il-fratellanza tal-Madonna tar-Rużarju hija l-għajn ta’ devozzjoni Marjana ewlenija u l-aktar antika fl-Imqabba. Kellhom jgħaddu 176 sena qabel twaqqfet fratellanza oħra ddedikata lill-Madonna, dik tal-Immakulata.

madonnaruzarju01 madonnaruzarju02 madonnaruzarju08madonnaruzarju09madonnaruzarju03 madonnaruzarju11madonnaruzarju10 madonnaruzarju12 madonnaruzarju14
 

L-artal tal-Madonna tar-Rużarju

 

L-ewwel ħjiel dokumentat ta’ artal f’ġieħ il-Madonna taħt dan it-titlu ġej mill-Viżta Pastorali tal-1600 fejn naqraw li fil-knisja ta’ San Bażilju, li dak iż-żmien kienet għadha sservi bħala Knisja Parrokkjali, kien hemm artal tal-Madonna tar-Rużarju fuq in-naħa tax-xellug tal-artal maġġur. L-artal kien mogħni b’pittura li turi lill-Madonna bil-kuruna tar-rużarju u madwarha kien hemm ukoll iffigurati l-misteri tar-rużarju. Skont il-Vigarju Ġenerali li għamel din il-viżta, dan il-kwadru kien verament sabiħ u kien jixraqlu li jkun fi knisja. Quddiemu kellu lampier jixgħel fil-festi u fil-Ħdud.(1) Hija minn din il-viżta li nafu li l-fratellanza kienet twaqqfet fuq dan l-artal erba’ snin qabel.

 

Seba’ snin wara din il-viżta, is-sede tal-parroċċa kienet imxiet minn San Bażilju għall-knisja l-qadima tal-Assunta, dik li kienet inħolqot billi tgħaqqdu flimkien żewġ knejjes żgħar, waħda ddedikata lill-Assunta u l-oħra lill-Annunzjata. Fl-1 ta’ Otturbu 1607 nsibu li f’din il-knisja kienet ġiet midfuna Gioanella Camilleri.(2) Sa daż-żmien, għalhekk, l-artal tal-Madonna tar-Rużarju ġie trasferit għal din il-knisja ‘ġdida’. Mill-Viżta Pastorali tal-Isqof Baldassare Cagliares tal-1615 nafu li l-artal tal-Madonna tar-Rużarju kien fuq in-naħa tal-lemin tal-maġġur, u jissejjaħ “altare sacratissimi Rosarii” – l-artal tar-Rużarju Mqaddes. Nafu li dik is-sena l-fratelli kienu biss ħamsa, iżda xorta waħda kienu ġenerużi ħafna fl-għotjiet tagħhom lill-artal hekk li l-isqof jirrimarka li ma kien jonqsu xejn.(3)

 

Fost l-aħjar deskrizzjonijiet tal-artal tal-Madonna tar-Rużarju li għandna mill-imgħoddi hemm dik li ħallielna l-Isqof Alpheran de Bussan fil-Viżta Pastorali li għamel fl-Imqabba fl-1745. Jgħidilna li l-artal kien komplut b’kollox u fuqu kellu kwadru mpitter u li kien imdawwar bi gwarniċa ndurata. Dan kien jinsab bejn erba’ kolonni tal-ġebel. Fix-xena kienet impittra l-Madonna bil-Bambin flimkien ma’ San Duminku li kien jidher għarkobbtejh u miegħu kellu lil Santa Katerina ta’ Siena, lil Santa Roża ta’ Lima u lill-profeta David. Fid-dawra ta’ fuq ta’ dan il-kwadru kienu mpittra l-ħmistax-il misteru tar-Rużarju filwaqt li fuqnett, bħala parti mill-prospettiva, kien hemm pittura ovali tal-Missier Etern. Quddiem dan l-artal kien mixgħul il-lampier.

 

Fuq l-artal kien hemm meqjum b’għożża kbira sotto-kwadru tal-Madonna tad-Dawl. Din ix-xbieha kienet devota ħafna fost l-Imqabbin u kienet imdawwra bi gwarniċa ndurata. Il-festa tagħha kienet issir bil-vespri u bil-quddiesa kantata fil-festa tal-patroċinju tal-Madonna.

 

Skont l-istess viżta, il-festa tal-Madonna tar-Rużarju kienet tiġi ċċelebrata bil-kant tal-ewwel u t-tieni għasar, bil-quddiesa kantata u bil-purċissjoni fl-ewwel Ħadd ta’ Ottubru. F’din il-Viżta Pastorali tissemma għall-ewwel darba l-festa tal-Madonna tal-Warda li kienet issir bil-quddiesa u l-purċissjoni fl-ewwel Ħadd ta’ Mejju u li kienu jieħdu ħsiebha l-Fratelli tar-Rużarju. B’hekk nafu li sa dan iż-żmien, apparti l-festa titulari li kienet amministrata mill-parroċċa, l-uniċi żewġ festi tal-Madonna ċċelebrati bil-purċissjoni u b’ċerta pompa kienu tar-Rużarju u tal-Warda, it-tnejn organizzati u mħallsa minn din il-fratellanza.

 

L-Isqof Alpheran jagħti wkoll lista ta’ obligi ta’ quddies li kienu jiġu ċċelebrati fuq dan l-artal. Nafu li kull nhar ta’ Sibt quddiem dan l-artal kienet titkanta l-litanija tal-Madonna. L-Isqof isemmi wkoll li n-novena tal-Milied kienet tiġi ċċelebrata fuq dan l-artal tal-Madonna tar-Rużarju.

 

Jekk inqabblu l-artal kif narawh illum ma’ din id-deskrizzjoni ninnutaw li saru xi tibdiliet. Il-kwadru tal-Madonna tad-Dawl tneħha u d-devozzjoni li kien hawn lejh spiċċat. Kien għamel xi snin imdendel fuq wieħed mill-bibien tal-kursija, imbagħad tpoġġa fis-sagristija u issa qiegħed fl-uffiċċju parrokkjali. Il-pittura li naraw tiddomina fuq l-artal mhix dik deskritta fil-Viżta tal-1745, imma hija waħda ferm aktar reċenti. L-antika ma nafux x’sar minnha. L-erba’ kolonni u l-pittura ovali tal-Missier Etern għadhom hemm, l-istess kif kienu kważi tliet mitt sena ilu.

madonnaruzarju04madonnaruzarju06madonnaruzarju07madonnaruzarju13 madonnaruzarju05
 

Il-Vara tal-Madonna tad-Duluri

 

Mill-inventarji dettaljati li jeżistu u li jkopru sa Marzu tal-1919, ma jidhirx li qatt kienet teżisti xi vara jew statwa tal-Madonna tad-Duluri ġewwa l-Imqabba.

 

Dan jistona mhux ftit meta tqis li fl-Imqabba kien hawn devozzjoni kbira lejn Marija Addolorata tant li teżisti kappella żgħira ftit il-bogħod mill-pjazza tar-raħal iddedikata lill-Madonna tad-Duluri, mibnija fis-sena 1680. Il-vara tal-Madonna tad-Duluri li tinħareġ fil-festa tad-Duluri matul ir-Randan, saret fuq inizjattiva tal-Kappillan Dun Anton Vella u nħadmet mill-istatwarju Mqabbi Glormu Dingli. Bħall-vara tal-Kunċizzjoni, il-vara hija magħmula mill-kartapesta u għandha stil neo-klassiku.

 

Il-vara tal-Madonna tad-Duluri ġiet imbierka nhar Ħadd il-Palm, fis-27 ta’ Marzu 1977. Waqt ġabra mid-devoti tal-Madonna tad-Duluri li kienet saret, jidher li kienet inġabret is-somma ta’ Lm244.40 (€569.30) għal din il-vara u spejjeż oħra b’risq il-kappella. Fl-istess żmien, jiġifieri fl-1977, saret il-pittura tas-saqaf mill-Imqabbi Rosario Zammit li tirrafigura s-seba` duluri tal-Madonna. Il-kappella llum tinsab f’kundizzjoni tajba ħafna, u tinfetaħ kuljum għall-adorazzjoni.

Biss ta’ min isemmi li qabel din il-kappella kien hemm kappella oħra li nbniet qabel is-sena 1550 u kienet iddedikata lil Santa Marija Mtellgħa fis-Sema. Għal xi żmien twil din il-kappella kienu jsibuha bħala ‘Santa Marija tal-Faqqanija’ forsi sabiex issir distinzjoni minn kappella oħra fir-raħal iddedikata lil Santa Marija. Kienet kappella żgħira wisq u għalhekk fuq ordni tal-Isqof Molina, ġiet mibnija kappella ġdida f’għamla aħjar fis-sena 1680. Iżda dlonk sfat mitluqa u wara madwar seklu u nofs, fis-sena 1814, l-Isqof Ferdinand Mattei ta lill-assessur tiegħu Dr Ganni Schembri, biex jirrestawraha. Dan tal-aħħar għamel sottoterran u fetaħha taħt it-titlu tad-Duluri.

 

Bnielha zuntier u dawru bil-balavostri u anke ħawwel xi siġar taż-żebbuġ. Aktar tard bnielha wkoll kampnar żgħir li għammru b’qanpiena żgħira tal-bronż. Ta’ min jgħid li din kienet guspatronat tal-Kan. Pawl Pullicino.

 

Fl-aħħarnett għalkemm il-vara tal-Madonna tad-Duluri hi waħda mill-iżgħar statwi li jeżistu fl-Imqabba, jirnexxielha tiġbed bosta nies lejha sabiex isibu l-faraġ u t-tama tagħhom f’din Ommna Addolorata speċjalment matul il-festa tagħha. Fil-Ġimgħa Mqaddsa din il-vara tkun esposta b’ċerta prominenza fil-Knisja Parrokkjali iżda matul is-sena din tinżamm f’niċċa sempliċi fil-kappella ddedikata lilha stess u mhux ġol-knisja bħal fil-każ tat-tlett statwi prinċipali li nsibu fil-parroċċa.

madonnaduluri01
 

L-Istatwa ta’ Sant’ Agneże

 
 

Dwar l-istatwa ta’ Sant’ Agneże ftit li xejn għandna dettalji u informazzjoni. Li nafu hu li din l-istatwa hija tal-Congregazione Figlie di Maria, li twaqqfu fi żmien il-Kappillan Dun Pacifku Mifsud. Illum il-ġurnata din il-kongregazzjoni għandha bħala Presidenta lil Tereza Debattista.

 

L-istatwa ta’ Sant’ Agneże saret minn Antonio Zammit li huwa missier l-Imqabbi Ruzar (Żaru) Zammit fis-sena 1972. Matul is-sena din l-istatwa tinżamm ġewwa niċċa sempliċi ħafna fil-kappella ta’ San Bażilju u tinħareġ għall-qima tal-poplu fix-xahar ta’ Jannar, normalment fit-tielet ġimgħa ta’ Jannar. L-istatwa titpoġġa fuq l-istess bradella li tintuża għall-istatwa tal-Madonna tad-Duluri u titqiegħed fuq l-artal biswit l-ambone.

santagnese01 santagnese02
 

Il-Korp ta’ San Innoċenzju

 

Il-Korp ta’ San Innoċenzju kien jinżamm taħt il-mensola tal-artal tal-Kunċizzjoni. Minħabba nuqqas ta’ fondi, il-festa ta’ dan il-qaddis kienet issir il-Ħadd fost l-Ottava ta’ Santa Marija meta l-knisja tkun għada mżejna bl-armar tal-festa. Allura ma kien jinvolvi ebda spejjeż żejda sabiex tiġi organizzata din il-festa f’ġieħ dan il-qaddis. Il-korp kien jintrama fuq l-artal maġġur mżejjen taħt mant kif fil-fatt jidher fir-ritratt. Is-Sur Filippu Galea kien jieħu ħsieb u jorganizza l-festa ta’ dan il-qaddis.

 

Sfortunatament fit-Tieni Gwerra Dinjija, il-korp tal-qaddis intradam meta waqgħet il-knisja wara attakk tal-għadu. Il-għadam inġabar minn qalb id-debris, u llum wara li reġgħet inbniet il-knisja, il-korp reġa’ nżamm f’daqs iżgħar minn qabel u jinsab taħt l-artal tal-kor.

Jidher li d-devozzjoni għal dan il-qaddis kienet kbira ġewwa l-Imqabba tant li anke ssemmiet triq għalih, Triq San Innoċenzju, li tinsab propju ftit passi bogħod miċ-ċentru tar-raħal tal-Imqabba.

 

Referenzi:
Programm Festa Santa Marija Mqabba 2003 paġna 135 – kitba tas-Sur Joseph Farrugia.

korpsaninnocenzju01 korpsaninnocenzju02
 

L-Istatwa tal-Madonna ta’ Lourdes

 

Fir-raħal tagħna ma nsibu l-ebda artal jew sotto-kwadru ddedikat lill-Madonna ta’ Lourdes – ħaġa kemmxejn stramba meta niftakru li fir-raħal ġar tagħna, il-Qrendi, hemm fratellanza u devozzjoni qawwija lejn il-Madonna taħt dan it-titlu!

Dan ma jfissirx, iżda, li fl-imgħoddi ma kienx hemm devozzjoni lejn il-Madonna li dehret lil tfajla sempliċi f’raħal ċkejken fi Franza. Ritratt antik tal-knisja armata għall-festa titulari ta’ Santa Marija tal-1896 juri li mal-pilastri prinċipali kien hemm żewġ niċeċ iħarsu lejn il-presbiterju. Ħarsa mill-qrib tal-istatwa ċkejkna li tidher fin-niċċa maġenb il-vara tal-Assunta armata turi li din ma hi xejn għajr statwa tal-Madonna ta’ Lourdes! Meta saret din l-istatwa u x’sar minnha?

 

Fil-ktejjeb tal-istoriku Mqabbi Dun Laurenz Zammit, insibu nota ċkejkna dwar l-oriġni ta’ din l-istatwa:
Fdin il Cnisia jinsabu hames statui iddedicati lil B. V. Maria. 1. Listatua tal Assunta scolpita fuq l’injam min mrù Xandru Farrugia miż-Żeitun fl 1836; 2 Statua plastic tal B.V. Maria taht ittitolu tal ġigliu mgħamula mil artist Giovanni Darmanin fissena 1876. 3 Statua tal B.V. tar-Rusariu, 4 tas-Sultana tal kalb Imkazza ta Gesù mgħamula f’Marsilia a spejes ta Mons. P. Pullicino, 5 u ta’ Lourdes a spejes ta’ Innocenzu Zammit.(1)

 

Minn din in-nota qasira naslu għal xi ftit konklużjonijiet. L-istatwa tidher li hija magħmulha minn xi materjal vojt, għalhekk hija probabilment statwa li nxtrat minn fabbrika tal-istatwi mhux inħadmet apposta għall-Imqabba. Mir-ritratt nafu li kienet diġà fil-knisja fl-1896. L-isem ta’ Innocenzu Zammit m’huwiex ġdid għalina l-Imqabbin – huwa isem ir-raġel li fl-1876 kien ħallas għall-istatwa tal-Madonna tal-Ġilju. Naħsbu li huwa l-istess raġel għax kemm jista’ jkun li kien hemm irġiel bl-istess isem u kunjom li kienu jħobbu jixtru l-istatwi u jtuhom lill-knisja!? Jekk dan Zammit huwa l-istess wieħed, dan iwassalna biex naħsbu li din l-istatwa nxtrat fl-istess żmien meta ġiet il-Madonna tal-Ġilju, ġifieri madwar għoxrin sena wara d-dehriet tal-Madonna f’Lourdes. Għalhekk huwa wisq probabli li din l-istatwa oriġinat fi Franza stess, għax mhux probabli li minn żmien daqshekk bikri wara d-dehriet bdew isiru statwi ta’ din il-Madonna barra mil-lok fejn seħħew.

 

Hija statwa għolja xi metru, sempliċi, imma ħelwa ħafna. Tidher kif soltu mdorrijin naraw il-Madonna ta’ Lourdes: b’idejha flimkien, bil-kuruna tar-Rużarju mdendla minn diragħjha, ħarsitha ‘il fuq, liebsa libsa bajda b’faxxa kaħla. Ma jonqsux il-wardiet tad-deheb fuq riġlejha. Il-bażi hija forma ta’ blata li fuqha Marija tidher qisha se tagħti pass. Il-libsa għandha disinn irqiq ta’ deheb li jinqala’ fuq l-abjad. Xejn speċjali, imma fina u tiġbdek.

 

M’hiex ħaġa tal-iskantament li ladarba kien hawn din l-istatwa fil-knisja, kienet issir ukoll xi forma ta’ ċelebrazzjoni fil-festa tal-Madonna ta’ Lourdes, li taħbat nhar il-11 ta’ Frar. Matul is-sena kienet tinżamm f’niċċa barokka tal-injam mal-pilastru tal-lemin, tħares lejn l-artal. Pariġha fuq in-naħa l-oħra kienet tinżamm l-istatwa tas-Sultana tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù.(2) Probabli fil-festa kienet tintrama’ fuq xi altar jew forsi kienu jitpoġġew xi gandlieri bix-xemgħat quddiemha u titħalla fin-niċċa.

 

Damet fil-Knisja Parrokkjali sa xi żmien qabel it-Tieni Gwerra Dinijia, meta l-Isqof Mawru Caruana(3), waqt Viżta Pastorali ordna li din u l-istatwa tas-Sultana tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù jitneħħew mill-knisja.(4) Ħabat tajjeb, għax kieku baqgħet hemm żgur ma kinetx teħlisha mill-ħerba tal-gwerra peress li kienet tinsab eżatt bejn il-koppla u l-kappellun tal-Agunija! Meta tneħħiet, din ittieħdet fil-kappella ta’ San Bażilju. In-niċċa l-oħra, li sfat vojta, imtliet bl-istatwa ta’ Sant’Anjeże li saret minn Anton Zammit fil-bidu tas-snin sebgħin. Damet f’San Bażilju sakemm bdew ix-xogħlijiet ta’ restawr fl-2006. Minn dik is-sena tpoġġiet fil-Youth Centre fejn għadha sal-lum. Ħasra li almenu, meta bħala knisja ċċelebrajna l-150 sena mid-dehriet tal-Madonna f’Lourdes, din l-istatwa ma reġgħetx intramat b’mod xieraq għal dakinhar tal-festa. Żgur li din il-ġawhra ċkejkna jistħoqqilha tkun apprezzata aktar.

 

[1] Laurenz Zammit, Descrizioni storica tal cnisia parrochiali tal Imkabba, Malta 1927, 30.
[2] Din l-istatwa kienet tkissret bi żball xi żmien wara l-gwerra.
[3] Caruana dam Isqof ta’ Malta mill-1915 sa l-1943.
[4] Alexander Bonnici, Santa Marija Assunta u l-Madonna tal-Gilju: iż-żewg statwi ewlenin tal-Imqabba minn L-Imqabba mal-Medda taż-Żmien, Malta 1998, 106.

 

OLYMPUS DIGITAL CAMERA statwamadonnalourdes02

Scroll to Top