Mastru Xandru Farrugia 1791 – 1871

 

xandrufarrugiaMastru Xandru Farrugia twieled iż-Żejtun minn Guzeppi u Duminka nhar it-2 ta’ Frar 1791 bil-parrini jkunu Katerina minn Bormla u Guzeppi Xuereb mill-Parroċċa taż-Żejtun. Xandru żżewweġ nhar it-8 ta’ Novembru 1814 ma’ Marianna, armla minn Giuseppe Zahra u kellhom tlett ulied li kienu Mikiel, Columba Rosa, u Giovanni. Jidher li l-ewwel żewġ ulied mietu fis-sena 1822 meta huma kien għad kellhom bejn wieħed u ieħor seba’ u ħames snin rispettivament. Insibu wkoll li Giovanni kien ħa s-sengħa ta’ missieru fejn aktar ‘il quddiem kien magħruf aktar bħala Mastru Gann. Xandru miet nhar l-4 ta’ Diċembru 1871 fl-età ta’ 80 sena u l-quddiesa tal-funeral tiegħu kienet ġiet ikkonċelebrata minn tnax-il qassis. Il-korp tiegħu ġie midfun fil-Kripta ta’ taħt l-Oratorju tas-Santissimu Sagrament taż-Żejtun.

 

Mastru Xandru huwa magħruf għal bosta xogħolijiet tiegħu f’dik li hija skultura fosthom insibu l-Annunzjata tal-Mulej f’Ħal Tarxien – statwa b’żewġ persuni u li tirrapreżenta d-djalogu ta’ Ommna Marija Santissma mal-Anġlu Gabriel u hija statwa tal-ewwel xorta tagħha, u li nħadmet fis-sena 1829. Insibu wkoll l-istatwa tal-Assunta tal-Imqabba li kellha tkun maħduma fuq dik diġà eżistenti f’Ħal Għaxaq maħduma mill-imgħallem tiegħu, t-Tarxiniż Marjanu Gerada. F’Ħal Safi fis-sena 1840, insibu wkoll l-istatwa ta’ San Pawl.

 

Iżda minn barra dawn l-istatwi Mastru Xand ħadem bosta dekorazzjonijiet ekklesjastiċi oħra fosthom sett gandlieri tat-tmintax għall-knisja ta’ Santa Tereża tal-Karmelitani f’Bormla (1841), u li kienu ġew ordnati nhar it-12 ta’ Ottubru minn Fra Raimondo di San Giuseppe. Din il-knisja tippossjedi wkoll il-korp ta’ Kristu Mejjet ta’ dan l-istess artist.

 

Għalkemm Mastru Xand kien jaħdem l-aktar għal qalbu fl-injam, insibu bosta xogħolijiet oħra fil-ġebel bħalma huma ż-żewġ statwi mal-faċċata tal-Knisja Arċipretali taż-Żejtun. Fost xogħolijiet oħra ta’ Xandru Farrugia li jinsabu f’raħal twelidu nsibu ‘Il-Marbut’ fuq disinn ta’ Pietro Paolo Azzopardi.

 

Fuq dimensjonijiet ħafna iżgħar minn dawk titulari u proċessjonali, Mastru Xandru Farrugia ħadem ukoll Bambin ċkejken mimdud fuq ġenbu u li jinsab fuq l-artal tar-Rużarju fil-Knisja Arċipretali taż-Żejtun. Apparti mix-xebħ li jidher bejn l-istatwi tal-Imqabba ma’ ta’ Ħal Għaxaq, u ta’ Ħal Safi ma’ tal-Belt Valletta, insibu wkoll statwa ta’ San Mikiel fil-knisja ta’ San Ġorġ, ir-Rabat Għawdex li kienet inħadmet fis-sena 1819 b’xebħ lejn San Mikiel li kien ħadem l-Imgħallem tiegħu jiġifieri Marjanu Gerada u li tinsab fil-Knisja Parrokjali ta’ Bormla. Oriġinarjament din inħadmet għall-knisja ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi iżda minħabba diżgwit intern fil-konfraternità ta’ San Mikiel f’Ħal Qormi din kienet ġiet mibjugħa fis-sena 1866.

 

Xandru Farrugia ħadem bosta statwi Marjani oħra. Hawn nindunaw kemm kellu għal qalbu l-Madonna. Fost dawn ix-xogħolijiet oħra kemm fl-injam kif ukoll fil-kartapesta nsibu l-Madonna tar-Rużarju, u l-Madonna tal-Għajnuna f’Ħal Għaxaq u d-Duluri meqjuma fil-knisja ta’ Ħal Għaxaq, oħra fil-knisja tax-Xagħra Għawdex; il-Madonna tal-Grazzja għall-Kappuċċini f’Għawdex u tal-Karmnu fl-Għarb. Insibu wkoll il-Madonna tal-Karità fl-Isla. Ħadem ukoll Kunċizzjoni għall-knisja ta Ġieżù fil-Belt Valletta u Kunċizzjoni oħra għall-knisja tal-Birgu fl-1838.

 

Xogħolijiet oħra ta’ Mastru Xandru jinsabu wkoll barra minn xtutna bħal ngħidu aħna fit-Tuniżija hemm ‘Ecce Homo’ li kien inħadem fis-sena 1839. F’Jerba (Tuniżija) insibu ‘Ecce Homo’ ieħor u d-Duluri li kienu ntbagħtu minn Malta fis-sena 1855, filwaqt li fl-Eġittu nsibu statwa oħra tiegħu, dik li tinsab f’Lixandra u li kienet inħadmet fis-sena 1851.