Grazzi għall-ħidma bla waqfien tad-diversi partitarji minn kull sezzjoni fis-Soċjetà tagħna, mingħajr ħafna pompi u pubbliċità, illum is-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V, tippussedi diversi unuri, kemm lokali kif ukoll internazzjonali. Dawn l-unuri kollha jwasslu sabiex l-isem tas-Soċjetà tagħna jibqa’ dejjem minn ta’ fuq nett.
Bejn is-snin 1990 – 2019 is-Soċjetà rebħet diversi unuri relatati mat-tiżjin tal-faċċata tal-każin għaż-żminijiet tal-Milied. Fl-1990 is-Soċjetà rebħet l-ewwel premju flimkien ma’ dak ukoll tal-oriġinalità fil-kompetizzjonijiet għall-isbaħ faċċata tal-każini mżejna għal żmien il-festi tal-Milied. Fuq l-istess nota, fl-1993 is-Soċjetà reġgħet rebħet l-ewwel premju għar-raba’ sena konsekuttiva fl-okkażjoni tal-festa tal-Milied fil-kompetizzjoni tat-tiżjin tal-faċċata tal-każini.
Fis‐sena 1996 is‐Soċjetà tagħna ħasbet sabiex torganizza Ġemellaġġ mal‐Banda Taljana Corpo Bandistico ta’ Santa Vittoria in Matenano ġewwa Ascoli Piceno. Fis‐sena 1997 kien imiss it‐tieni parti tal‐Ġemellaġġ fejn il‐Banda ġemella kienet il‐mistiedna speċjali matul il‐festa ad unur Santa Marija. Dan il‐Ġemellaġġ kompla bis‐suċċess tiegħu meta fl‐1998 l‐Unjoni Ewropea ppremjat lis‐Soċjetà tagħna bl‐Unur uniku Les Étoiles d’Or du Jumelage, ġewwa Ferrara l‐Italja.
F’April tas‐sena 2006, l‐Għaqda tan‐Nar Santa Marija ħarġet bl‐unuri meta kienet ir‐rebbieħa tal‐Ewwel Festival Internazzjonali tan‐Nar ta’ Malta minn fost fabbriki tan‐nar kemm Maltin kif ukoll barranin.
F’Awwissu tas-sena 2007 l‐Għaqda tan‐Nar Santa Marija kkompetitiet għall‐ewwel darba barra minn xtutna matul il‐Kampjonati Mondjali tan‐Nar Caput Lucis li sar Val Montone viċin Ruma fl‐Italja. F’dan il-kampjonat l-Għaqda tan‐Nar Santa Marija kisbet l-ewwel post.
Fis-sena 2010 l-Għaqda tan-Nar tal-Art ħadet sehem fir-IV Festival Nazzjonali tan-Nar tal-Art li ġie organizzat mill-Kunsill Lokali tal-Furjana. L-Għaqda tan-Nar tal-Art ġiet iddikjarata bħala rebbieħa ta’ dan il-festival wara li rebħet tliet kategoriji.
Fit-23 ta’ Frar 2012, is-Sezzjoni Żgħażagħ Santa Marija reġgħet għamlet unur lill-Imqabba meta rebħet il-Premju ‘Ġieħ l-Artiġġjanat Malti 2011’ fil-kategorija għall-kreattività u l-innovazzjoni. Il-Gwarniċun Mekkanizzat hu opra artistika li turi oriġinalità u dedikazzjoni kbira minn dawk li għamluh. Ħafna nies li jattendu l-Marċ tat-Tielet Tridu tal-festa tal-Imqabba kkummentaw pożittivament għall-kwalità kbira artistika u spettakolari tal-gwarniċun hu u jinfetaħ u jibni blokki ta’ pittura u għall-briju kbir li jqanqal hu u jinfetaħ u jerġa’ jingħalaq b’mekkaniżmu modern. Kien għalhekk li s-Sezzjoni Żgħażagħ ikkonkorriet bil-Gwarniċun Mekkanizzat fil-Premju Ġieħ l-Artiġġjanat Malti u rebħet dan l-unur għal min tant ħadem fuq il-gwarniċun, għas-Sezzjoni stess, għas-Soċjetà Santa Marija u għall-Imqabba.
Permezz tal-Presepju Ħaj tal-2012, is-Sezzjoni Żgħażagħ Santa Marija tal-Imqabba ġiet onorata b’żewġ premjijiet nazzjonali. L-ewwelnett bil-kisba tal-ewwel post fil-Kompetizzjoni Nazzjonali tal-Presepji Ħajjin 2012 bl-akbar punteġġ mogħti mill-ġurija kemm ilha ssir il-kompetizzjoni, u t-tieni għall-fatt li ż-żgħażagħ ta’ Santa Marija kisru wkoll ir-rekord nazzjonali tal-akbar Presepju Ħaj f’Malta mogħti minn ‘The Malta Records’ fis-sena 2012.
L-Għaqda Nar tal-Art Santa Marija ngħatat Rikonoxximent Nazzjonali permezz tal-‘Premju Ġieħ l-Artiġjanat Malti 2013‘ fil-kategorija ‘L-Aktar Prodott Innovattiv minn Grupp ta’ Artiġjani’ għar-raddiena tan-nar tal-art maħduma fuq tliet dimensjonijiet (3D) li kienet iżżanżnet lejliet il-festa tal-2013.
Fis-sena 2019, is-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V tal-Imqabba flimkien mal-Għaqda tan-Nar Santa Marija ġiet mogħnija bl-unur Wirt Artistiku 2019. Dan l-Unur huwa frott il-ħidma u d-dedikazzjoni tal-istess Soċjetà u l-fergħat fi ħdana; ħidma kbira għad unur il-wirt artistiku nazzjonali nnifisu f’diversi forom bħal armar, mużika u ċelebrazzjonijiet festivi miż-żgħażagħ b’ lenti partikulari fuq il-qasam pirotekniku li tant għalijh din is-Soċjetà hija magħrufa u li din is-Soċjetà dejjem iddistingwiet lilha nnifisha.
Dawn kollha jkomplu jagħmlu lis-Soċjetà Santa Marija tal-Imqabba mhux biss soċjetà mogħnija bl-unuri, imma wkoll b’unuri f’diversi oqsma tagħha: fit-tiżjin, fin-nar tal-ajru u tal-art, fil-banda, fl-armar mekkanizzat u wkoll fiż-żgħażagħ tagħha mimlijin ħidma ta’ ħila.