Peress li fl-1596 l-Imqabba kienet għadha mhix parroċċa awtonoma jidher li t-twaqqif ta’ din il-fratellanza kien sar fuq livell lokali fl-Imqabba mingħajr il-formalitajiet tas-soltu, b’hekk insibu li fid-9 ta’ Awwissu 1628 il-Ġeneral tad-Dumnikani, li minnhom jiddependu l-Fratellanzi tal-Madonna tar-Rużarju madwar id-dinja, ħareġ digriet biex jirregolarizza l-eżistenza tal-fratellanza. Kien ġie rikonoxxut, iżda, li din il-fratellanza kienet attiva sa mill-1596. Sitt snin wara, fl-1634, din il-fratellanza ġiet aggregata ma’ dik tal-Madonna tar-Rużarju eretta fil-bażilka ta’ Santa Maria sopra Minerva f’Ruma – waħda mill-aktar knejjes Dumnikani importanti f’Ruma peress li hija waħda mill-aktar antiki u peress li fiha hemm midfuna Santa Katarina ta’ Siena, patruna tal-Italja u tal-Ewropa.
Mill-Viżta tal-1600 jissemma li l-fratelli kienu jilbsu l-kunfratija bajda. Id-dmirijiet tagħhom kienu, fost l-oħrajn, purċissjoni qasira fl-ewwel Ħadd ta’ kull xahar u l-festa tal-Madonna tar-Rużarju fl-ewwel Ħadd ta’ Ottubru.
Ħmistax-il sena wara, fil-Viżta Pastorali ġa msemmija – l-ewwel waħda li saret fil-Knisja Parrokkjali ddedikata lill-Madonna mtellgħa s-sema, insibu li l-fratelli kienu biss ħamsa, imma kull wieħed kien jagħti ħmistax-il ħabba fis-sena biex iżommu l-artal armat b’dak kollu li kien neċessarju.
Fl-1745 l-Isqof Alpheran jgħarrafna li din l-istess fratellanza kienet tieħu ħsieb ukoll il-festa tal-Madonna tal-Warda li kienet issir fl-ewwel Ħadd ta’ Mejju. L-amministrazzjoni ta’ dawn iż-żewġ festi kienet f’idejn il-prokuratur tal-fratellanza u ċ-ċelebrazzjonijiet kollha kienu jsiru bis-sehem tal-fratelli bil-konfratija bajda. Barra dan kienu jiltaqgħu kull l-ewwel Ħadd tax-xahar għall-quddiesa u darba f’sena kienu jiċċelebraw quddiesa għall-erwieħ mejtin tal-fratellanza. Naturalment aktar kemm għadda żmien aktar kiber in-numru tal-fratelli.
Biż-żmien il-festa tal-Madonna tar-Rużarju kibret, l-istess kif kibru l-festi l-oħra fl-Imqabba. Meta fil-bidu tas-seklu għoxrin inħolqu ż-żewġ partiti tal-festi fir-raħal tagħna, b’xorti tajba din il-festa ma kellhiex partit tagħha, għalhekk baqgħet ma ċċapsitx bil-piki u baqgħet festa indipendenti u devozzjonali. Dan l-aspett pożittiv jagħmel din il-festa l-unika waħda tat-tip tagħha fl-Imqabba minħabba li tiġi organizzata mingħajr is-sehem attiv ta’ ebda każin u mingħajr is-sehem ta’ ebda banda. Ir-raġuni għala ma twaqqaf l-ebda partit jista’ jkun li kien għax din il-festa minn dejjem kienet meqjusa bħala waħda ta’ kulħadd. Ir-raġuni żgur ma kienetx għax ma kienx hemm fratellanza attiva, fil-fatt bħalma se naraw ‘il quddiem, il-Fratellanza tal-Madonna tar-Rużarju kienet attiva ferm fis-snin meta nħolqu l-każini fl-Imqabba. Ejja ngħidu li l-fratelli tar-Rużarju għażlu s-sehem it-tajjeb li ma għażlux il-partitarji taż-żewġ festi l-oħra. B’xorti ħażina, iżda, dan wassal biex mis-snin sebgħin ‘il hawn il-festa battiet ħafna, tant li llum issir biss permezz ta’ quddiesa kantata l-Ħadd filgħaxija u purċissjoni eżatt wara.
Madanakollu ma nistgħux niċħdu li l-festa tal-Madonna tar-Rużarju hija għal qalb ħafna tal-partitarji tal-festa titulari, li b’mod indirett jagħtu sehem fiha. Fl-imgħoddi, meta l-festa kienet issir bit-tirdwu bil-mużika, kien hemm okkażjoni fl-1945 meta l-Orkestra Santa Marija daqqet il-mutett tal-barka propju f’din il-festa. Din kienet l-ewwel darba li għaqda mużikali f’raħalna daqqet fil-Knisja Parrokkjali. Barra minn hekk is-salut bil-musketterija meta toħroġ il-vara tal-Madonna fuq iz-zuntier għadu sal-lum jinħaraq minn fuq il-bejt tal-każin tas-Soċjetà Santa Marija. Iżda minkejja dawn il-viċinanzi, il-fratellanza tal-Madonna tar-Rużarju qatt ma ppruvat iddaħħal il-partiġġjaniżmu f’din il-festa, u hekk din il-festa għażiża hija waħda mill-ftit okkażjonijiet li fihom il-parroċċa kollha tingħaqad.
Il-ħidma ta’ diversi prokuraturi ħabrieka u voluntiera mill-1890 ‘il hawn
B’xorti ħażina ħafna l-kotba tal-kontijiet tal-fratellanza ma waslulniex, jew għax inqerdu fil-gwerra, jew inkella għax il-prokuraturi ma għaddewhomx lill-arkivju parrokkjali. Li għandna f’idejna huma l-kontijiet mill-1890 sal-1947. Minnhom nieħdu ħjiel tal-ħafna xogħol li għamlet din il-fratellanza biex tagħni l-artal tagħha.
Minn dawn il-kontijiet nafu li fi żmien il-prokura ta’ Nikola Zammit (1890-1895) saru għaxar gastri tal-alabastru biex iżommu l-fjuretti fuq dan l-artal fil-festa, żewġ fjuretti tal-ganutell, 6 gandlieri u salib tal-metall għand Paolo Vella-Cassar li ġew arġentati għand Francesco Coleiro u saru wkoll xi fjuretti tad-drapp.
Fis-snin tal-prokura ta’ Dun Ewgenju Mallia (1895-1904) saru l-pedestal tar-Relikwija minn Publio Sultana li ġie ndurat għand F. Coleiro u sar il-bankun l-antik għas-salib u l-lanterni tal-fratellanza (dak li jintrama fil-knisja fil-festa tal-Madonna tal-Ġilju u fil-festa tal-Immakulata u li jintrama fis-sagristija fil-festa ta’ Marija Assunta). Ħadmu Carmelo Coleiro. Forsi l-isbaħ opra li ħalla warajh Dun Ewgenju hija l-pittura meraviljuża tal-Madonna tar-Rużarju, xogħol Giuseppe Calì li żżanżan fl-1903 u sewa £25. Bla dubju dan huwa wieħed mill-isbaħ kwadri li nsibu fil-knisja tagħna u fost l-aktar pitturi riċenti huwa l-isbaħ wieħed.
Il-prokuratur ta’ wara kien Annunziato Ellul li dam sal-1909. Hu xtara d-damask abjad tal-istandard mingħand Alfredo Degiorgio u ħa ħsieb ukoll biex il-mensa tal-artal issir tal-irħam hekk kif nafuha llum. Il-marmista li ħadem fuqu kien Costantino di Paolo. Huwa l-uniku artal tal-irħam interzjat li għad għandna fil-knisja u għaldaqstant huwa l-isbaħ wieħed għax m’hemmx ieħor bħalu. Fi żmienu saru wkoll żewġ kandelabri tal-fidda.
Warajh, Giovanni Zammit (1909-1916) għamel gradenza tal-irħam u ordna r-rakkmu tad-deheb fuq l-istandard għand ċertu Sig. Palasse. Għamel ukoll il-lasta tal-istandard tal-fidda. Barra minn hekk ħallas għall-ispejjeż tal-konsagrazzjoni tal-artal il-ġdid tal-irħam li saret fl-1912 u anke għar-restawr u l-induratura tal-karti-gloria tal-istess artal.
Minn dan iż-żmien sar ħafna xogħol li huwa relatat mal-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju sakemm minħabba l-inkwiet u l-qerda tal-gwerra l-ħidma materjali waqfet għal madwar għoxrin sena.
Fi żmien il-Kappillan Dun Karm Bianco, li kien ukoll il-prokuratur tal-fratellanza, saru ħafna opri li għadna ngawduhom sal-lum. Fl-1964, sena biss wara li laħaq kappillan tar-raħal tagħna, sar il-lampier tal-fidda li jintrama’ quddiem l-artal fil-festa tal-Madonna tar-Rużarju u f’dik titulari. Dan tħallas minn Angelo Borg, inħadem għand id-ditta Cassar ta’ Bormla u sewa £100. Fl-1965 il-kappillan ħeġġeġ lill-ex prokuratur ta’ din il-fratellanza Guzeppi Facciol biex iħallas għall-pedestal tal-fidda tar-relikwarju l-prim li jintuża f’Santa Marija. Sena wara ordna bankun ġdid għas-salib u l-lanterni tal-fratellanza li nħadem minn Mro Leonard Spiteri, ex-surmast tal-Banda Re Ġorġ V. L-iskultura ta’ fuqu saret minn Carmelo Tonna. Fl-1969 fil-festa tal-Madonna tar-Rużarju żżanżan l-apparat liturġiku tal-festi sekondarji: 3 kapep, pjaneta, żewġ tuniċelli u kanapew, kollha ta’ materjal abjad bil-fjuri. Fl-1971 sar standard ġdid għall-fratellanza minħabba li l-antik kien tqatta waqt il-purċissjoni ta’ Santa Marija tal-1968. Dan inħadem minn tliet tfajliet mill-Imqabba: Antonia Zammit, Gulja Ghigo u Guzeppina Mifsud taħt id-direzzjoni ta’ Katarina Zammit, mill-Imqabba wkoll. Il-materjal sewa £207. Mill-flus żejda li kien baqa’ mill-ġbir għall-istandard, sena wara saru s-sitt fjuretti li jżejnu l-artal tar-Rużarju fil-ġranet tal-festa ta’ Santa Marija. Dawn saru minn Emmanuel Sciberras tal-Qrendi u swew £66. Xi snin wara saret it-terħa tal-bellus irrakmata bid-deheb, maħduma minn Katarina Zammit.