L-Imqabba minn dejjem kienet imfittxija għall-festi ta’ Santa Marija, speċjalment mid-dilettanti tal-logħob tan-nar li f’raħalna biss kienu jaraw ċertu xogħol jew aħjar, jarawh għall-ewwel darba. Fl-okkażjoni tal-festi li saru fl-1937, fl-Inkoronazzjoni tar-Re Ġorġ VI, ħafna nar li nħaraq f’Malta kien aktarx maħdum minn dilettanti Mqabbin. Jidher, iżda li l-logħob tan-nar tal-art u tal-ajru kien isir b’ċerta esaġerazzjoni fl-Imqabba. Ġurnal lokali ta kumment dwar il-ħruq tan-nar fl-Imqabba: “Il-Pulizia f’dan ir-raħal tat uisk libertà għall dan il-logħob tan-nar, u ma tismax ħlief sparar anche f’nofs ta’ lieli uakt li cull ħatt icun jistrieħ. Il Pulizia jec trid taf tagħmel dmira u ma tħallix izied isiru daun l’inconvenienti”.
Wara d-diżgrazzja tal-Kamra tan-Nar tal-1937, għal sitta u għoxrin sena sħaħ, is-Soċjetà ma kellhiex iżjed għad-dispożizzjoni tagħha post fejn il-ħafna dilettanti tan-nar ta’ dak iż-żmien setgħu bla biża’ jkomplu jaħdmu n-nar. L-art fejn qabel kien hemm il-Kamra tan-Nar ittieħdet mis-Servizzi Inglizi għall-Airstrip tar-Runway. F’dan iż-żmien kollu d-dilettanti tan-nar kienu jmorru jaħdmu n-nar f’postijiet tan-nar tar-rħula oħra bħal ta’ Ħal Qormi, Ħal Tarxien jew il-Gudja. Fil-bidu tas-snin sittin tressqet mozzjoni biex tinxtara biċċa għalqa għal dan l-iskop. L-art li nxtrat kienet tinsab fil-limiti tas-Siġġiewi kontrada Ta’ Kandja u msejħa Ta’ Sapjan u kienet tikkonsisti f’erba’ biċċiet rabà, tal-kejl komplessiv ta’ elfejn tmien mija u għaxar metri kwadri ossija tomnejn u tliet sigħan. Il-kuntratt tal-akkwist tal-art sar fil-31 ta’ Jannar 1961 u kien ippublikat min-Nutar Nicola Said fid-dar ta’ Joseph Zammit, il-bejjiegħ tal-art imsemmija. L-art inxrat £50. Għas-Soċjetà King George V, dehru l-President Charles Sciberras u s-Segretarju Joseph Ghigo. Ix-xhieda kienu Censu u ibnu Karmnu Psaila.
Il-Kamra tan-Nar il-ġdida tbierket il-Ħadd 30 ta’ April 1963 mill-Kappillan Dun Carm Bianco D.D. L-ewwel nar li nħadem fil-post kien għall-festa ta’ Santa Marija tal-1963. Minn dak iż-żmien sal-lum fil-post inbnew aktar imħażen u kmamar għall-aktar kumdità tad-dilettanti tan-nar li jqattgħu sigħat twal b’sagrifiċċju u riskju. U sena wara l-oħra, il-poplu Mqabbi jitgħaxxaq b’logħob tan-nar li jsebbaħ il-pjazza u s-smewwiet b’taħlita ta’ dawl ikkulurit f’dawk l-iljieli sajfin u qatt minsija tal-festa.
Illum il-ġurnata d-dilettanti tal-Għaqda Nar tal-Art Santa Marija jlaħħqu l-15-il membru, li l-parti kbira huma żgħażagħ kollha jaħdmu b’mod volontarju matul is-sena kollha. Dan jikkonferma li l-għaqda għandha prospetti sbieħ għall-futur. Ta’ kull sena jsiru madwar 100 biċċa nar tal-art li l-biċċa l-kbira jinħarqu fil-ġimgħa tal-festa. Din l-għaqda taf il-bidu ta’ diversi logħob tan-nar tal-art. Insibu pereżempju l-universals, il-katina, il-kompjuter u arloġġ jaħdmu kollha bin-nar. Ta’ min ifakkar li fil-festa tal-2013 inħarġet raddiena tal-ewwel xorti tagħha fl-Imqabba minħabba l-fatt li hija raddiena maħduma fuq tliet dimensjonijiet (3D).
Tajjeb ukoll jgħinad li l-Għaqda Nar tal-Art Santa Marija tkun dejjem ta’ sapport għall-Għaqda tan-Nar billi timmanifattura logħob tan-nar tal-art li jkun jista jinħaraq waqt id-diversi ħarqiet li din l-għaqda tiġi mitluba tagħmel.
F’Ġunju tas-sena 2005 l-Għaqda Nar tal-Art Santa Marija kienet mistiedna toffri spettaklu tan-nar tal-art bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-25 anniversarju tal-FECC (Federazzjoni Ewropea tal-Bliet tal-Karnival). Propju nhar l-24 ta’ April 2010, l-Għaqda Nar tal-Art Santa Marija ħadet sehem u ġiet iddikjarata bħala rebbieħa assoluta tar-IV Festival Nazzjonali tan-Nar tal-Art organizzat mill-Kunsill Lokali tal-Furjana fuq il-Fosos tal-Furjana. Dan wara li l-għaqda rebħet tlett kategoriji: dak tal-oriġinalità, l-aħjar mekkaniżmu u l-aħjar prodotti. L-Għaqda Nar tal-Art Santa Marija rebħet ukoll fil-‘Premju Ġieħ l-Artiġjanat Malti 2013‘ fil-kategorija tal-‘Aktar Prodott Innovattiv minn Grupp ta’ Artiġjana’. Dan ġie mħabbar fis-seratà finali li saret it-Tnejn, 17 ta’ Frar 2014 fil-lukanda Westin Dragonara, San Ġiljan. Il-premju wasal permezz ta’ raddiena li nħadmet mill-membri ħabrieka tal-istess għaqda matul is-sena 2013 u li żżanżnet fl-14 ta’ Awwissu 2013, propju lejlet il-festa titulari ta’ Santa Marija.
Il-qofol tal-Għaqda Nar tal-Art ikun ta’ kull sena matul il-ġimgħa tal-festa ad unur Santa Marija, speċjalment nhar l-14 ta’ Awwissu, lejliet il-festa, li żgur tkun mistennija minn bosta dilettanti Maltin u Għawdxin, kif ukoll minn dilettanti barranin. Ta’ min isemmi li dan ix-xogħol kollu jsir minn dilettanti dedikati li b’mod volontarju jiddedikaw il-ħin liberu tagħhom għal dan id-delizzju tul is-sena kollha. Ta’ dan żgur li ħaqqhom kull tifħir. Dan l-avveniment annwali issa sar parti integrali fil-kalendarju tas-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V u żgur li l-ebda dilettant tan-nar m’għandu jitilfu.
Matul is-sena l-Għaqda Nar tal-Art tkun impenjata billi ttella’ wirjiet tan-nar tal-art fid-diversi festi madwar il-pajjiż.
L-Għaqda Nar tal-Art Santa Marija tixtieq tirringrazzja lil dawk in-nies li jarmaw l-irdieden tagħhom jew jgħinu fl-armar tal-irdieden, lill-benefatturi li meta kellna bżonn dejjem sibniehom fuq quddiem bl-għajnuna tagħhom bħas-self ta’ krejnijiet, makkinarju, għodod, vannijiet, eċċ., u lir-residenti tat-triq fejn jinsabu l-imħażen u dawk ta’ Triq il-Madonna tal-Ġilju fejn naħarqu l-logħob tan-nar tal-art matul il-ġimgħa kollha għal xi tip ta’ inkonvenjent li dawn jista’ jkollhom matul il-ġimgħa tal-festa.
Referenzi: Ġrajjiet is-Soċjeta’ Santa Marija u l-Banda Re Ġorġ V fl-Istorja ta’ l-Imqabba. LIA, Carmen (1960- ) -Mqabba: Soċjeta’ Santa Marija u Banda Re Ġorġ V, 1997 , Programmi Festa Santa Marija Mqabba 2006 u 2007