L-Imqabba minn dejjem kienet imfittxija għall-festi ta’ Santa Marija, speċjalment mid-dilettanti tal-logħob tan-nar li f’raħalna biss kienu jaraw ċertu xogħol jew aħjar, jarawh għall-ewwel darba. Fl-okkażjoni tal-festi li saru fl-1937, fl-Inkoronazzjoni tar-Re Ġorġ VI, ħafna nar li nħaraq f’Malta kien aktarx maħdum minn dilettanti Mqabbin. Imbagħad l-ewwel murtal b’erba’ bombi kien għamlu Censu Galea (id-Derek) u ħarqu fl-1928 meta żżanżan il-qabar tal-fidda għal taħt l-istatwa Titulari ta’ Santa Marija. Jidher, iżda li l-logħob tan-nar tal-art u tal-ajru kien isir b’ċerta esaġerazzjoni fl-Imqabba. Ġurnal lokali ta kumment dwar il-ħruq tan-nar fl-Imqabba:- “Il-Pulizia f’dan ir-raħal tat uisk libertà għall dan il-logħob tan-nar, u ma tismax ħlief sparar anche f’nofs ta’ lieli uakt li cull ħatt icun jistrieħ. Il Pulizia jec trid taf tagħmel dmira u ma tħallix izied isiru daun l’inconvenienti”.
Wara d-diżgrazzja tal-Kamra tan-Nar tal-1937, għal sitta u għoxrin sena sħaħ, is-Soċjetà ma kellhiex iżjed għad-dispożizzjoni tagħha post fejn il-ħafna dilettanti tan-nar ta’ dak iż-żmien setgħu bla biża’ jkomplu jaħdmu n-nar. L-art fejn qabel kien hemm il-Kamra tan-Nar ittieħdet mis-Servizzi Inglizi għall-Airstrip tar-Runway. F’dan iż-żmien kollu d-dilettanti tan-nar kienu jmorru jaħdmu n-nar f’postijiet tan-nar tar-rħula oħra bħal ta’ Ħal Qormi, Ħal Tarxien jew il-Gudja. Fil-bidu tas-snin sittin tressqet mozzjoni sabiex tinxtara biċċa għalqa għal dan l-iskop. L-art li nxtrat kienet tinsab fil-limiti tas-Siġġiewi kontrada Ta’ Kandja u msejħa Ta’ Sapjan u kienet tikkonsisti f’erba’ biċċiet rabà, tal-kejl komplessiv ta’ elfejn tmien mija u għaxar metri kwadri ossija tomnejn u tliet sigħan. Il-kuntratt tal-akkwist tal-art sar fil-31 ta’ Jannar 1961 u kien ippublikat min-Nutar Nicola Said fid-dar ta’ Joseph Zammit, il-bejjiegħ tal-art imsemmija. L-art inxrat £50. Għas-Soċjetà King George V, dehru l-President Charles Sciberras u s-Segretarju Joseph Ghigo. Ix-xhieda kienu Censu u ibnu Karmnu Psaila.
Il-Kamra tan-Nar il-ġdida tbierket il-Ħadd 30 ta’ April 1963 mill-Kappillan Dun Carm Bianco D.D. L-ewwel nar li nħadem fil-post kien għall-festa ta’ Santa Marija tal-1963. Minn dak iż-żmien sal-lum fil-post inbnew aktar imħażen u kmamar għall-aktar kumdità tad-dilettanti tan-nar li jqattgħu sigħat twal b’sagrifiċċju u riskju. U sena wara l-oħra, il-poplu Mqabbi jitgħaxxaq b’logħob tan-nar li jsebbaħ il-pjazza u s-smewwiet b’taħlita ta’ dawl ikkulurit f’dawk l-iljieli sajfin u qatt minsija tal-festa.
Illum il-ġurnata d-dilettanti jlaħħqu l-20 membru, kollha jaħdmu b’mod volontarju matul is-sena kollha. Dan jikkonferma li l-għaqda għandha prospetti sbieħ għall-futur. Ta’ kull sena jsiru madwar 700 murtal, fosthom murtali tal-kulur, sfejjer, blalen, prexex, murtaletti, beraq pront u kaxxi infernali. Il-fabbrika tan-nar Santa Marija, taf il-bidu ta’ diversi logħob tan-nar, kemm tal-ajru kif ukoll tal-art. Insibu pereżempju l-universals, il-katina u anke kompjuter u arloġġ jaħdmu bin-nar fejn jidħol iċ-ċigċifogu. Fejn jidħol nar tal-ajru nsibu l-beraq li ma jidhrux, sfejjer, blalen kbar u blalen jimxu, imrewħa, disinni forma tat-trijangoli, uċuħ, qlub jew trijangoli ġo ċrieki, forom tas-slaleb tal-Kavallieri, tal-Ewro u saħansitra forom ta’ rġiel jimxu kif ukoll murtali li jiftħu forma ta’ bebbux u żbruffaturi li jiffurmaw kliem minn mal-art. Ma jonqsux forom ta’ Nome di Maria u tas-simbolu tal-mużika kif ukoll forom minn mal-art u mrewħa u ċrieki jeqilbu l-kulur. L-Għaqda tan-Nar Santa Marija tkun impenjata f’diversi festi ma’ Malta u Għawdex kif ukoll tkun mistiedna ttella’ diversi spettakli tan-nar għal xi avvenimenti privati.
F’Ġunju tas-sena 2005 l-Għaqda tan-Nar Santa Marija kienet mistiedna toffri spettaklu tan-nar tal-art bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-25 anniversarju tal-FECC (Federazzjoni Ewropea tal-Bliet tal-Karnival). Fl-istess sena l-Għaqda tan-Nar Santa Marija ġiet mistiedna toffri spettaklu tan-nar tal-ajru sinkronizzat mal-mużika bħala għeluq ta’ ċena offruta mill-E.T. Reġina Eliżabetta II lir-rappreżentanti tal-pajjiżi tal-Commonwealth (CHOGM). F’April tas-sena 2006, l-Għaqda tan-Nar Santa Marija ħarġet bl-unuri meta kienet ir-rebbieħa tal-Ewwel Festival Internazzjonali tan-Nar ta’ Malta minn fost fabbriki tan-nar kemm Maltin kif ukoll barranin. Fl-istess sena, l-Għaqda offriet żewġ spettakli oħra fil-Port il-Kbir bħala parti minn konferenza ta’ Thomas Cook. Propju f’Awwissu 2007 l-Għaqda tan-Nar Santa Marija kkompetiet għall-ewwel darba barra minn xtutna matul il-Kampjonati Mondjali tan-Nar Caput Lucis li sar ġewwa Valmontone viċin Ruma fl-Italja fejn ġiet ikkonfermata bħala ċ-Ċampjin Mondjali fil-logħob tan-nar. Dan il-festival offra spettakli kbar tan-nar minn tminn fabbriki mondjali li huma meqjusa fost l-aqwa fid-dinja. Dawn kienu mill-Italja, Ingilterra, Spanja, Rumanija, Ġappun, Slovenja, Ċina u minn Malta rrapreżentata mill-Għaqda tan-Nar Santa Marija tal-Imqabba. L-Għaqda tan-Nar Santa Marija tagħat l-ispettaklu tagħha nhar il-Ħamis 2 ta’ Awwissu quddiem folla enormi ta’ madwar 350,000 persuna. Fil-wirja spikka t-talent u xogħol uniku Malti. Xogħol li huwa rinomat mal-Għaqda tan-Nar Santa Marija tal-Imqabba. Żgur li riżultat prestiġġjuz bħal dan għen sabiex l-għaqda għamlet unur kbir kemm għas-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V, għar-raħal tal-Imqabba kif ukoll serva ta’ riklam tajjeb għal pajjiżna.
Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet għad-dħul tal-Ewro f’pajjiżna fl-ewwel ta’ Jannar 2008, l-għaqda kienet ikkummisjonata toffri spettaklu ieħor tan-nar fejn spikkaw ħafna l-forom tas-simbolu tal-€ fis-sema. Wara l-għaqda offriet żewġ spettakli oħra ġewwa l-Port il-Kbir waqt żewġ attivitajiet privati. Propju nhar l-24 ta’ April 2010, l-Għaqda tan-Nar tal-Art Santa Marija ħadet sehem u ġiet iddikjarata bħala rebbieħa assoluta tar-IV Festival Nazzjonali tan-Nar tal-Art organizzat mill-Kunsill Lokali tal-Furjana fuq il-Fosos tal-Furjana. Dan wara li l-għaqda rebħet tlett kategoriji: dak tal-oriġinalità, l-aħjar mekkaniżmu u l-aħjar prodotti.
Il-qofol tal-Għaqda tan-Nar ikun ta’ kull sena matul il-ġimgħa tal-festa ad unur Santa Marija, speċjalment nhar l-14 ta’ Awwissu, lejlet il-festa, li żgur tkun mistennija minn bosta dilettanti Maltin u Għawdxin, kif ukoll minn dilettanti barranin. Ta’ min isemmi li dan ix-xogħol kollu jsir minn dilettanti dedikati li b’mod volontarju jiddedikaw il-ħin liberu tagħhom għal dan id-delizzju tul is-sena kollha. Ta’ dan żgur li ħaqqhom kull tifħir. Dan l-avveniment annwali issa sar parti integrali fil-kalendarju tas-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V u żgur li l-ebda dilettant tan-nar m’għandu jitilfu.
Referenzi: Ġrajjiet is-Soċjeta’ Santa Marija u l-Banda Re Ġorġ V fl-Istorja ta’ l-Imqabba. LIA, Carmen (1960- ) -Mqabba: Soċjeta’ Santa Marija u Banda Re Ġorġ V, 1997 , Programmi Festa Santa Marija Mqabba 2006 u 2007