Fost l-aħjar skulturi prominenti ta’ dak iż-żmien kien hemm Xandru Farrugia (1791-1871) li kien tgħallem l-arti tal-iskultura mingħand Mariano Gerada, l-aktar skultur Malti magħruf. Il-kuntratt biex issir il-vara sar fit-30 ta’ Ottubru 1835 fiż-Żejtun, ir-raħal minn fejn kien Farrugia, quddiem in-Nutar Menville Massimiliano Troisi. Il-vara kellha tkun lesta fi żmien disa’ xhur, jiġifieri sal-aħħar ta’ Lulju 1836. Il-vara ta’ Santa Marija kienet lesta, bl-induratura b’kollox, fiż-żmien stabbilit. Il-kappillan qabbad lil xi nies ta’ ħila fl-arti sabiex jistudjawha u dawn ma sabu l-ebda difett fiha. Meta kollox kien f’postu, l-iskultur tħallas ta’ xogħolu. Is-somma globali, li kienet tinkludi z-zokk li minnu nħadmet il-vara, ix-xogħol fl-injam u l-induratura, ammontat għal tliet mitt skud u wieħed.
Fi żmien il-Kappillan Dun Frangisku-Saverju Bonanno (1906-1922) nibtet ix-xewqa li l-vara jagħmlulha pedestall ġdid tal-fidda. Kien ilu jinħass li l-vara ta’ Santa Marija kien jonqosha xi ħaġa biex veru tkun vara kompluta minn kollox. Għalhekk, il-kumitat tal-każin immexxi mill-President Joseph Bugeja, flimkien mal-Kleru tal-Parroċċa, iddeċieda li kellu jsir dan il-pedestall ġdid tal-fidda flok dak tal-injam, kif ukoll bradella ġdida. Id-disinn ta’ dawn iż-żewġ opri kbar ġie fdat f’idejn l-Imgħallem Abram Gatt, magħruf ma’ Malta kollha għad-disinni oriġinali tiegħu u li diġà kien għamel xi xogħol għall-Parroċċa tagħna. Il-qabar tal-injam baqa’ jintuża fil-festi kollha ta’ Santa Marija mill-1836 sal-1927, iżda għall-ewwel darba fil-festa tal-1928, il-vara ta’ Santa Marija tneħħiet minn fuq il-qabar tal-injam u ġiet immuntata fuq qabar ġdid tal-fidda li kellu jservi bħala pedestall. Dan sar għas-sodisfazzjon tal-kumitat u tal-kappillan ta’ dak iż-żmien, il-Mosti Dun Pacifiku Mifsud.
Il-qabar l-antik illum huwa miżmum b’għożża kbira fil-Każin tas-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V tal-Imqabba, is-Soċjetà li tieħu ħsieb torganizza l-festi kollha esterni fi żmien il-festa titulari tar-raħal. Il-qabar ġie maħdum fl-injam minn Manwel Buhagiar ta’ Ħal Tarxien. Ix-xogħol tal-fidda kien fdat f’idejn id-ditta Antonio Ghezzi e Figli ta’ Milan u sewa s-somma ta’ £400. Meta l-fidda waslet minn Milan, ittieħdet fil-kappella ta’ Santa Katerina fejn partitarji tas-Soċjetà għaqqduha mal-injam. Wara, il-qabar ittieħed fil-kappella tad-Duluri. Din l-opra sabiħa saret b’sagrifiċċju u b’impenn mill-akbar. Il-ġbir għall-pedestall tal-fidda sar mill-familji, bis-sold ta’ kull nhar ta’ Ħadd. Il-kontijiet tal-ġbir u tal-ispejjeż kollha tal-pedestall ingħataw fl-okkażjoni tal-inawgurazzjoni tal-pedestall. Dan il-pedestall huwa wieħed mill-aqwa li hawn f’Malta u bil-ħila ta’ Abram Gatt, dan kompla sebbaħ il-vara titulari ta’ Santa Marija.
F’Mejju 1998 il-vara ttieħdet iż-Żejtun għand Tarcisio Cassar sabiex jitnaddfu l-qabar tal-fidda, is-sandli u l-istellarju tad-deheb. Kien ġie deċiż li t-tgħattina li teżisti fil-boċċa li hemm fl-arzella f’nofs il-pedestall tibqa’ hemm bħala tifkira dejjiema tal-akbar telfa li kellha l-Imqabba fl-istorja tagħha meta fil-gwerra nhar id-9 ta’ April 1942, il-knisja intlaqtet minn bomba. Din it-tgħattina kienet ġiet ikkawżata minn xi ġebla li taret mal-isplużjoni tal-bomba. Wara dan ix-xogħol ta’ tindif, il-qabar reġa’ ħa d-dija tlellex li kellu oriġinarjament.