Jekk xi ħadd jidħol fil-Knisja Parrokkjali tal-Imqabba fil-ġranet tal-festa, żgur li l-ewwel ħaġa li tiġbidlu l-attenzjoni hija l-vara tal-Patruna tar-raħal armata kif jixraq għal jum il-festa tagħha. Il-vara ta’ Santa Marija narawha fuq pedestal sarkofagu tal-fidda, uniku għal Malta fl-għamla tiegħu; fuq bradella u bankun prezzjużi u mill-isbaħ, magħmulin mill-ġewż u kollha interzjati, uniċi għar-raħal tagħna; narawha kollha induratura, bi stellarju tad-deheb bil-ħaġar prezzjuż madwar rasha u b’sandli tad-deheb fin bi djamant f’riġlejha. Hija wkoll l-unika vara fl-Imqabba li tissemma minn Achille Ferris fil-ktieb storiku tiegħu ‘Descrizione storica delle chiese di Malta e Gozo’ li ġie ppublikat fl-1866.
Fost il-poplu nibtet ix-xewqa li jkollhom vara oħra, isbaħ minn dik li kellhom. Il-Kappillan Tumas Agius Caruana, jgħid li mal-ewwel ġbir għall-ispejjeż ta’ din il-vara, kważi ntlaħqet is-somma kollha meħtieġa, għalhekk huwa probabbli li l-proġett tħabbar fil-bidu tal-1835, meta l-popolazzjoni tar-raħal ma kinetx tlaħħaq l-elf ruħ. Fost l-aħjar skulturi prominenti ta’ dak iż-żmien kien hemm Xandru Farrugia (1791-1871) li kien tgħallem l-arti tal-iskultura mingħand Mariano Gerada, l-aktar skultur Malti magħruf. Minħabba li l-vara ta’ Santa Marija ta’ Ħal Għaxaq, maħduma minn Mariano Gerada fl-1808, kienet meqjusa bħala l-isbaħ waħda, il-Kappillan Tumas Agius Caruana qatagħha li l-vara tal-Imqabba tkun maħduma tixbaħha. L-iskultur ġie avviċinat mill-kappillan u l-kleru tal-Imqabba u spjegawlu l-kundizzjonijiet għall-manifattura tal-vara, fosthom li l-vara tkun lesta fi żmien disa’ xhur jiġifieri sal-aħħar ta’ Lulju 1836. Il-kuntratt sar fit-30 ta’ Ottubru 1835 fiż-Żejtun, ir-raħal minn fejn kien Farrugia, quddiem in-Nutar Menville Massimiliano Troisi. Is-somma globali, li kienet tinkludi z-zokk li minnu nħadmet il-vara, ix-xogħol fl-injam u l-induratura, ammontat għal tliet mitt skud u wieħed.
Il-vara Titluri ta’ Santa Marija tal-Imqabba għandha erba’ puttini mas-sħab. Naraw li l-vara tal-Imqabba għandha poża li fiha ċerta eleganza filwaqt li rasha hija kollha merfugħa ‘l fuq. Il-vara hija ta’ stil serpentin barokk, l-aktar stil prestiġġjuz li minnu tista’ tkun magħmula vara tal-injam. Il-preġju li għandu dan l-istil huwa li meta tħares lejn il-vara din tidher qisha forma ta ‘S’. Ir-ras tkun immejla lejn ix-xellug, l-ispallejn ma jkunux fl-istess livell, is-sider ikun mixħut lejn il-lemin filwaqt li mill-qadd ‘l isfel ikun immirat mill-ġdid lejn ix-xellug. Il-Madonna tidher għarkubtejha fuq is-sħab fuq sieqha tal-lemin, filwaqt li b’tax-xellug qiegħda sserraħ mas-sħab. Dan l-istil jagħti lill-figura ċertu sens ta’ moviment u dinamiżmu li huwa nieqes fi stili oħra aktar statiċi bħan-neo klassiku, li fuqu huma magħmula ż-żewġ vari l-oħra li għandna fil-Knisja Parrokkjali. Fl-14 ta’ Awwissu 1836 saru ċelebrazzjonijiet kbar għall-wasla tal-vara ġewwa l-Imqabba li kienet twasslet proċessjonalment miż-Żejtun sal-Imqabba.
Jidher li għal bosta snin ma saret ebda innovazzjoni fil-vara għajr għal induratura ġdida li nafu li saret fil-bidu tas-seklu għoxrin. Fi żmien il-Kappillan Dun Frangisku-Saverju Bonanno (1906-1922) nibtet ix-xewqa li l-vara jagħmlulha pedestal ġdid tal-fidda flok dak tal-injam kif ukoll bradella ġdida. Id-disinn ta’ dawn iż-żewġ opri kbar ġie fdat f’idejn l-Imgħallem Abram Gatt, magħruf ma’ Malta kollha għad-disinni oriġinali tiegħu u li diġà kien għamel xi xogħol għall-Parroċċa tagħna. Il-qabar tal-injam baqa’ jintuża fil-festi kollha ta’ Santa Marija mill-1836 sal-1927, iżda għall-ewwel darba fil-festa tal-1928 il-vara ta’ Santa Marija tneħħiet minn fuq il-qabar tal-injam u ġiet immuntata fuq qabar ġdid tal-fidda li kellu jservi bħala pedestal. Il-qabar l-antik illum huwa miżmum b’għożża kbira fil-Każin tas-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V tal-Imqabba. Il-qabar, ġie maħdum fl-injam minn Manwel Buhagiar ta’ Ħal Tarxien. Ix-xogħol tal-fidda kien fdat f’idejn id-ditta Antonio Ghezzi e Figli ta’ Milan u sewa s-somma ta’ £400. Din l-opra sabiħa saret b’sagrifiċċju u b’impenn mill-akbar. Il-ġbir għall-pedestal tal-fidda sar mill-familji, bis-sold ta’ kull nhar ta’ Ħadd. Jidher li l-ġbir għall-pedestal kien beda ħafna snin qabel l-1928 iżda peress li l-ġbir kien fqir, kellu jieqaf. Jingħad li kien bil-ħila ta’ Joseph Bugeja, President tas-Soċjetà, li l-ġbir kien reġa’ beda. Jingħad ukoll li Lord Gerald Strickland, waqt li kien qiegħed isir meeting fl-Imqabba ikkontribwixxa £10 għall-pedestal. Il-kontijiet tal-ġbir u tal-ispejjeż kollha tal-pedestal ingħataw fl-okkażjoni tal-inawgurazzjoni tal-pedestal. Dan il-pedestal huwa wieħed mill-aqwa li hawn f’Malta u bil-ħila ta’ Abram Gatt, dan kompla sebbaħ il-vara ta’ Santa Marija. Fit-12 ta’ Jannar 1927 ġie ppreżentat rikors fil-Kurja tal-Arċisqof li jġib in-numru 70/1927 fejn l-Imqabbin Mikiel Zammit (il-Mejlaq) u martu Grazia Inguanez urew li xtaqu li jkunu l-benefatturi ta’ bradella għall-vara ta’ Santa Marija. Fit-22 ta’ Frar 1927 Mons. Arċisqof Mauro Caruana aċċetta t-talba li kienet saritlu fir-rikors. Wara li l-Imgħallem Abram Gatt ta’ Bormla lesta d-disinn, ġie deċiż li x-xogħol tal-injam tal-bradella kellu jsir mis-Surmast Manwel Buhagiar ta’ Ħal Tarxien waqt li l-Appostolat magħmulin mis-sycamore li huwa njam qawwi ħafna, ġie ordnat l-Awstrija għand id-ditta Ferdinado Stuflesser. Il-bradella swiet is-somma globali ta’ £194.6s.2d. Ix-xogħol esegwit fl-injam minn Mastru Buhagiar sewa £153. Qabel inbeda x-xogħol, Mastru Manwel Buhagiar ingħata kapparra ta’ £40. Tal-Appostolat, id-ditta Stuflesser tħallset is-somma ta’ £37.0.6d. Id-dazju li tħallas fuq l-Appostolat bis-7 u nofs fil-100 kien ta’ £3.2s.1d. Il-korrispondenza ma’ Stuflesser swiet £0.3s.7d. Kien hemm ukoll xi spejjeż oħra li tħallsu lin-Nutar tal-obligazzjoni (17s.0d) u lill-Kurja tal-Arċisqof għar-rikors (4s.0d) minn Giuseppe Zammit. Pjuma għat-tfarfir swiet 4s.6d. Il-bradella l-ġdida ttieħdet fil-Knisja Parrokkjali. Il-qabar tal-fidda kien ġie inawgurat is-Sibt 11 ta’ Awwissu fl-1928 fil-kappella tad-Duluri. Wara li saret Transulazzjoni tar-Relikwija, il-vara tal-Assunzjoni ġiet meħuda proċessjonalment mill-kappella tad-Duluri għall-knisja tal-Parroċċa, fost briju kif kien jixraq. Għal din l-okkażjoni, għall-ewwel darba fir-raħal, inħaraq murtal ta’ erba’ bombi magħmul minn Censu Galea (id-Derek).
Meta l-vara ġiet irrestawrata u indurata mill-ġdid fl-1966, benefattur ħallas sabiex sarulha l-fjuretti tal-ganutill biex jitpoġġew fil-gastri tal-fidda li saru xi għoxrin sena qabel. L-aħħar xogħol ta’ induratura li sar kien fil-1986 meta l-vara għalqet mija u ħamsin sena. Kienet ġiet sgraffita u ndurata mill-ġdid mill-induratur Horace Farrugia tal-Imdina. L-induratura li saret għalkemm ma żammitx għal kollox mal-ilwien u d-disinji l-oriġinali, xorta waħda hija ta’ valur estetiku kbir. It-tarf tal-mant ġie mżejjen b’bordura wiesgħa mimlija disinji, filwaqt li l-lewn tal-mant innifsu ġie skurat xi ftit u fuqu ġew iddisinjati bosta fjuri rqaq u delikati. Il-parti ta’ fuq tal-libsa ġiet miżbugħa ħamra aktar ċara milli kienet qabel, b’disinji simili għal tal-mant. Il-velu żdiditlu l-induratura u sar qisu magħmul mill-bizzilla maħduma f’disinji ta’ ward. L-anġlu liebes biċ-ċelesti u s-sħab ta’ taħt il-Madonna ġie ndurat bil-fidda. Fl-istess żmien ġie restawrat ukoll l-istellarju tad-deheb li ġie rinovat u miegħu twaħħal xi ħaġar prezzjuż sabiex aktar ikun jixraq li jżejjen ras ix-xbieha tant sabiħa. Kienu saru festi kbar meta l-vara waslet lura l-Imqabba. Madwar sentejn wara ġiet restawrata u msebbħa n-niċċa li ġo fiha tintrefa’ l-vara matul is-sena billi tkabbret xi ftit u fuqha ġew imwaħħla xbiehat tal-fibreglass ta’ anġli mdawrin bis-sħab sabiex il-vara tidher qisha tielgħa fis-sema. F’Mejju 1998 il-vara ttieħdet iz-Żejtun għand Tarcisio Cassar sabiex jitnaddfu l-qabar tal-fidda, is-sandli u l-istellarju tad-deheb. Kien ġie deċiż li t-tgħattina li teżisti fil-boċċa li hemm fl-arzella f’nofs il-pedestal tibqa’ hemm bħala tifkira dejjiema tal-akbar telfa li kellha l-Imqabba fl-istorja tagħha meta fil-gwerra nhar id-9 ta’ April 1942 il-knisja ntlaqtet minn bomba. Din it-tgħattina kienet ġiet ikkawżata minn xi ġebla li taret mal-isplużjoni tal-bomba. Wara dan ix-xogħol ta’ tindif, il-qabar reġa’ ħa d-dija tlellex li kellu oriġinarjament.
Il-vara artistika tiġi esposta dejjem matul il-kwindiċina sal-ottava tal-festa u kull sena toħroġ proċessjonalment, merfugħa mill-Fratelli tal-Kanfraternità tas-Santissmu Sagrament lebsin il-mozzetta l-ħamra. Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-400 Mitt Sena mit-Twaqqif tal-Parroċċa tal-Imqabba kien hemm il-ħsieb li l-vara tiġi esposta f’Settembru tal-1998 iżda għal diversi raġunijiet il-permessi meħtieġa ma ħarġux. Iżda bejn Ottubru u Novembru tas-sena 2000, meta ħabat il-ħamsin anniversarju mill-proklama tal-Assunzjoni bħala Domma tal-Fidi, il-vara ta’ Santa Marija tal-Imqabba ġiet armata fil-knisja daqs li kieku kienet il-festa. Kellna wkoll ix-xorti narawha mdawra proċessjonalment mar-raħal f’pellegrinaġġ aux flambeaux fit-30 ta’ Ottubru ta’ dik is-sena straordinarja.
Meta tħares lejn dak il-wiċċ ta’ ġmiel bla qies, ftit li xejn jgħaddilek minn moħħok kemm ra snin jgħaddu u kemm ġrajjiet u ġiri magħhom. Ħadd ma jista’ jiċħad il-venerazzjoni li kellhom missirijietna lejn din ix-xbieha qaddisa – xhieda ta’ dan huma l-ħafna ġojjelli li ngħatawlha bħala rikonoxximent ta’ grazzji maqlugħa jew b’sinjal ta’ devozzjoni. Illum il-ġurnata d-devozzjoni għandha tintwera billi jiżdied it-talb u l-attendenza fil-knisja b’mod speċjali fil-ġranet tal-festa. B’hekk biss inkunu nistgħu nkomplu t-tradizzjoni qaddisa billi naraw lill-Madonna Mtellgħa s-Sema bħala t-triq li twassalna għal għand Binha Ġesù.
Referenzi
Fr. Jonathan Farrugia B.A. (Hons.), B.A. Theol. & Hum. Stud. S.Th.B. (1978 – ) Il-Vara Titulari ta’ Marija Assunta tagħlaq 165 Sena
Programm Festa Santa Marija – 2001; 165 sena mill-miġja tal-Istatwa Titulari ġewwa l-Imqabba 1836-2001, paġna 55-67
LIA, Carmen B. Ed. (Hons.), B. A. (1960 – ) Ġrajjiet is-Soċjeta’ Santa Marija u l-Banda Re Ġorġ V fl-Istorja ta’ l-Imqabba – Mqabba: Soċjeta’ Santa Marija u Banda Re Ġorġ V, 1997 xvi, 236p.: 29.2ċm ISBN 99909-68-30-6