Il-festa titulari ta’ Santa Marija tas-sena 2014 ser tibqa mnaqqxa fl-istorja tar-raħal tagħna minħabba li fijha assistejna għall-inawgurazzjoni ta’ Statwa ġdida fil-ġebla Mqabbija ta’ Santa Marija fi Pjazza Ġublew tad-Djamanti. Dan il-proġett kien kollu ffinanzjat mill-aħwa Ellul (Ta’ Katrinu) u xol kien afdat f’idejn l-skultur Żebbuġi, Lawrence Attard.
Fil-festa ta din is-sena ħabtu wkoll diversi anniversarji fosthom:
– 80 sena minn mindu nxtrat l-propjeta fejn jinsab il-każin preżentament
– 50 sena bandisti mal-Banda Re Ġorġ V
– 30 sena mill-ewwel programm tal-festa bil-kulur
– 25 sena festa taħt il-presidenza tas-Sur Carmel Zahra
– 10 snin bħala direttur spiritwali ta’ Patri Joseph Zahra
Bħal kull sena hekk kif il-festa għad unur Santa Marija tkun qed toqrob ġmielha, il-partitarji ta’ kull eta’ bi ħġarhom jibdew it-tħejjiet esterni fil-forma ta’ armar fit-toroq, kif ukoll it-tħejjijiet interni ġewwa l-knisja parrokkjali fil-forma ta’ drapp u diversi aspetti oħra. F’dawk l-istess ġranet kien għaddej b’ritmu mgħaġġel ħafna l-aħħar tħejjijiet fl-oqsma kollha relatati mal-festa.
Wara xhur ta’ stennija, nhar il-Ħamis 7 ta’ Awwissu 2014 kienu bosta il-partitarji li nġabbru ġewwa Pjazza Ġublew tad-Djamanti u l-madwar hekk kif bdiet timxi l-aħbar li l-statwa kienet bdiet tinġarr minn Ħaż-Żebbuġ għall-Imqabba. Dawn l istess partitarji infexxew f’ċapċip kbir u entużjażmu hekk kif lemħu l-statwa fit-Triq tas-Sejba. Mal wasla tal-statwa mill-ewwel ingħata bidu għall-preparazzjonijiet sabiex din l-statwa tkun tista titella fuq il-pedestall tal-ġebel maħdum apposta mill-istess skultur. Hekk kif kienu tlestew il-preparamenti meħtieġa, l-statwa ġiet merfugħha għall-fuq il-pedestall tal-ġebel permezz ta’ crane. Hekk kif l-statwa kienet imtella fuq il-pedestall tal-ġebel, il-partitarji nfexxew f’ċapċip kbir u ġew imwaddba diversi karti minn fuq il-bjut bħala sinjal ta’ ċelebrazzjoni, filwaqt li ndaqqet ukoll is sirena.
Kien propju il-Ġimgħa 8 ta’ Awwissu fejn wara nżul ix-xemx assistejna għall-Inawgurazzjoni ta’ din l-statwa ġdida fil-ġebla Mqabbija ta’ Santa Marija fi Pjazza Ġublew tad-Djamanti permezz ta’ programm vokali u strumentali mill-Banda Re Ġorġ V. Il-programm fetaħ permezz ta’ marċ qasir minn quddiem il-każin għall-Pjazza Ġublew tad-Djamanti, fejn hemm ingħata bidu għall-programm vokali u strumentali. Matul dan l istess programm saru diversi diskorsi qosra, ingħataw bosta preżentazzjonijiet lin-nies involuti kif ukoll intwerew bosta filmati tal-proċess kollu ta’ kif din l-statwa ġiet maħduma fid-diversi fażijiet. L-inawgurazzjoni ta’ din l-statwa l-ġdida saret kif xieraq mill-aħwa Ellul (Ta’ Ketrinu). Il-kappillan tal-parroċċa il-W.R. Kan. Dun Ġorġ Spiteri bierek din l-istess statwa. Mal-inawgurazzjoni tal-statwa inħarqet musketterija, kaxxa infernali u wara s-serata intemmet permezz ta’ diversi ħruq ta’ murtaletti, disinni, blalen u murtali tal-kulur.
Għall-festa ta’ din is-sena l-Għaqda Armar kompliet toħroġ armar mill-isbaħ għall-ewwel darba, fejn fosthom insibu pavaljuni fi Triq il-Belt Valletta, Pedestalli, l-statwa ta’ Mose u bandalori ġodda fi Triq Karmenu Ciantar, bnadar ġodda għat-trofej tal-pjazza, pedestalli ġodda u statwa ta’ anġlu li ntramaw maz-zuntier tal-knisja. L-statwa ta’ Mose u l-anġlu huma it-tnejn li huma xogħol l-istatwarju Michael Cutajar Zahra.
L-Għaqda tan-Nar tal-Ajru tellgħet spettaklu oriġinali lejliet il-festa bl-isem “Fountains of Fire”, fejn hawn assistejna għal diversi effetti tan-nar innovattivi. Għall-ewwel darba wkoll inħarqu disinni ġodda fil-forma ta’ Ajkla ttir li ntlaqgħu ferm tajjeb mill-pubbliku preżenti.
L-Għaqda tan-Nar tal-Art offriet spettaklu matul il-ġimgħa tal-festa. Din is-sena assistejna għal żewġ irdieden li ġew irrestawrati wara li kienu ilhom ma jintramaw għal madwar għoxrin sena.
Il-membri tas-Sezzjoni Żgħażagħ taw l-għajnuna meħtieġa lid-diversi fergħat fi ħdan is-Soċjetà. Fil jum tat-Tielet Tridu s-Sezzjoni Żgħażagħ ħadet ħsieb li ttellgħa spettaklu quddiem il-każin permezz ta’ Spettaklu bil-Karti u effetti ġodda, xows awdjo-viżivi, spettaklu tad-dwal, kif ukoll nar sinkronizzat mal-mużika minn fuq il-bjut l-għoljin tal-każin.
Il-Banda Re Ġorġ V tellgħet żewġ Programm Vokali u Strumentali tagħha matul il-festa. Il-programm tat-8 ta’Awwissu sar fi Pjazza Ġublew tad-Djamanti waqt l-inawgurazzjoni ta’ Statwa ġdida fil-ġebla Mqabbija ta’ Santa Marija. Il-programm annwali tal-10 ta’ Awwissu mill-Banda Re Ġorġ V sar taħt il-Patroċinju tal-E.T. Marie-Louis Coleiro Preca President tar-Repubblika fejn kien hemm il-kantanti Federica Falzon u Ludwig Galea jakkumpanjaw lil banda matul diversi siltiet.
Jum il-Festa 15.08.2014
Quddiesa Solenni bil-Paniġierku
Lejliet il-Festa 14.08.2014
Fountains Of Light – Nar tal-Ajru
It-Tielet Jum tat-Tridu 13.08.2014
It-Tieni Jum tat-Tridu 12.08.2014
L-Ewwel Jum tat-Tridu 11.08.2014
Jum il-Banda 10.08.2014
Kunċert Vokali u Strumentali mill-Banda Re Ġorġ V
Jum il-Ħruġ il-Vara 09.08.2014
L-Attivitajiet matul il-ġranet tal-Festa 2014
Inawgurazzjoni ta’ Statwa ġdida fi Pjazza Ġublew tad-Djamanti
Quddiesa bis-sehem taż-żgħażagħ
Pure Red Gathering organizzat mis-Sezzjoni Żgħażagħ
Tberik u Preżentazzjoni ta’ Tfal u Trabi lil Santa Marija
Funzjonijiet fil-Knisja Parrokkjali