Fil-festa ta’ Santa Marija tal-2013 tfakkru diversi anniversarji. Fost dawn kellna:
– 90 sena mill-Pedestall tal-Inkurunazzjoni
– 50 sena mit-Tberik tal-Post tan-Nar
– 20 sena mit-Twaqqif tas-Sezzjoni Żgħażagħ
– 15-il sena – Les Étoiles d’Or du Jumelage
Sabiex ġew imfakkra kif kien xieraq dawn l-avvenimenti storiċi, il-fergħat rispettivi fi ħdan is-Soċjetà ħejjew diversi spettakli u wirjiet oriġinali.
L-Għaqda tal-Armar kompliet toħroġ armar mill-isbaħ għall-ewwel darba, fejn fosthom insibu pavaljuni fi Triq il-Belt Valletta, irħamar tal-pedestalli ta’ Triq Karmenu Ciantar, bandalori bis-sistema ta’ dwal fit-Triq Karmenu Ciantar kif ukoll armi fuq l-arbli li jintramaw fl-inħawi tal-pjazza. B’kollaborazzjoni mas-Sezzjoni Żgħażagħ sar ukoll pavaljun mal-gallarija tal-każin.
L-Għaqda tan-Nar tellgħet spettaklu tassew oriġinali lejliet il-festa, fejn hawn assistejna għal diversi effetti tan-nar innovattivi. Fost dawn l-elementi ġodda nsibu: il-funtana tan-nar u diversi mriewaħ li jitilgħu mill-art. Għall-ewwel darba wkoll inħarqu disinni ġodda li ntlaqgħu ferm tajjeb mill-pubbliku preżenti, dawn kienu fil-forma ta’ ħuta u kelb il-baħar. Dawn saru bi tħejjija u promozzjoni għall-ħarqa tan-nar li l-għaqda ġiet inkarigata li tagħmel għal ftuħ uffiċjali tal-Akwarju Nazzjonali. Għat-tielet sena konsekuttiva, intrama t-torri permezz ta’ tower crane li minn fuqu nħaraq nar sinkronizzat mal-mużika. Dan it-torri ġie rikonoxxut minn The Malta Records bħala ‘L-akbar spettaklu pirotekniku vertikali’.
L-Għaqda tan-Nar tal-Art offriet spettaklu matul il-ġimgħa tal-festa. Din is-sena assistejna għal żewġ irdieden ġodda u raddiena oħra antika li ġiet irrestawrata wara li kienet ilha ma tintrama għal madwar għoxrin sena. F’lejliet il-festa assistejna għal raddiena oriġinali fl-Imqabba minħabba l-fatt li hija raddiena maħduma fuq tliet dimensjonijiet (3D).
Il-membri tas-Sezzjoni Żgħażagħ taw bis-sħiħ l-għajnuna tagħhom lid-diversi fergħat fi ħdan is-Soċjetà. Sabiex tiġi ċċelebrata l-20 Sena mit-Twaqqif tas-Sezzjoni Żgħażagħ, l-istess sezzjoni ħarġu d-diska ‘Suċċessi Frott il-Ħidma Żagħżugħa, Sezzjoni Żgħażagħ Santa Marija’ bil-kompożizzjoni ta’ Mro. David Agius, l-awtur Mark Tonna, u kantata minn Eleanor Cassar flimkien ma’ Vittorio Gauci. B’kollaborazzjoni mal-Għaqda tal-Armar inħadem pavaljun li jintrama mal-faċċata tal-każin matul il-jiem tal-festa u li dan inkixef waqt il-marċ tat-Tielet Tridu. Fit-Tielet Tridu s-Sezzjoni Żgħażagħ ħadet ħsieb li ttellgħa spettaklu quddiem il-każin permezz tal-laser, filmati mill-aktar informattivi li ntwerew fuq LED screen, spettaklu tad-dwal u kanuni tal-karti ssinkronizzati mal-mużika kif ukoll nar minn fuq struttura forma ta’ piramida li tpoġġiet apposta fuq il-bejt l-għoli tal-każin. F’din l-istess ġurnata, inxtegħlet għall-ewwel darba l-faċċata tal-każin permezz tal-bozoz LED li għal darb’ oħra kien proġett iffinanzjat mis-Sezzjoni Żgħażagħ.
Il-Banda Re Ġorġ V tellgħet il-Programm Vokali u Strumentali tagħha nhar l-10 ta’ Awwissu taħt il-Patroċinju tal-W.R. Kan. Dun Gorg Spiteri, Kappillan. Waqt l-istess kunċert saret l-inawgurazzjoni uffiċjali tas-sala tal-każin hekk kif din is-sena kien iffinalizzat ix-xogħol tal-pittura f’din is-sala prinċipali. Wara l-inawgurazzjoni l-Banda daqqet il-mużika filwaqt li kien hemm għaddej żfin ġewwa l-istess sala. Wara sar riċeviment għall-mistednin distinti, soċji, benefatturi u partitarji kollha.
Jum il-Festa 15.08.2013
Żjara fil-Każin minn Dun Richard Borg wara l-Quddiesa tal-Paniġierku, f’Jum il-Festa tal-Assunta
Quddiesa Solenni bil-Paniġierku
Lejliet il-Festa 14.08.2013
Intervisti Lejliet il-Festa fuq il-programm tal-festi ‘Minn Festa għal Oħra’ fuq Net TV
It-Tielet Jum tat-Tridu 13.08.2013
It-Tieni Jum tat-Tridu 12.08.2013
L-Ewwel Jum tat-Tridu 11.08.2013
Jum il-Banda 10.08.2013
Kunċert Vokali u Strumentali mill-Banda Re Ġorġ V
Jum il-Ħruġ il-Vara 09.08.2013
L-Attivitajiet matul il-ġranet tal-Festa 2013
Esebizzjoni tat-Tieni Gwerra Dinjija
Quddiesa bis-sehem taż-żgħażagħ