Il-Festa

Il-festa Titulari ta’ Santa Marija fl-Imqabba tiġi ċċelebrata mit-30 ta’ Lulju sat-22 ta’ Awwissu. It-30 ta’ Lulju nsejħulu Jum il-Kwindiċina li hija kelma mit-Taljan li tfisser ‘quindici’ ħmistax, għax ikun baqa’ biss ġimgħatejn għall-jum il-festa.

Il-vara titulari tinħareġ minn ġon-niċċa fid-29 ta’ Lulju u titpoġġa f’post prominenti fil-knisja sabiex l-għada stess ikunu jistgħu jibdew ċ-ċelebrazzjonijiet fil-knisja. Iċ-ċelebrazzjonijet jiftħu permezz tal-Quddiesa Solenni tal-Kwindiċina ta’ Santa Marija fejn il-membri kollha jkunu mistiedna jattendu. L-attivitajiet esterni jiftħu permezz tal-Kwindicina Fest fil-pjazza ewlenija, fejn ikun hemm diversi tipi ta’ ikel, kantanti prominenti, żfin kif ukoll divertiment.

Kull ġurnata tal-ħmistax-il jum tal-Kwindiċina hija ddedikata lis-sezzjonijiet varji mis-Soċjetà. Dawn huma: Jum l-Għaqda tan-Nar, Jum is-Soċji u l-Benefatturi, Jum it-Tfal fejn hawn issir il-preżentazzjonijiet tat-tfal (sa ħames snin) lill-Madonna,  Jum il-Familji fejn hawn ikunu mistiedna speċjalment il-koppji li jkunu se jiċċelebraw 50 jew 25 sena ta’ żwieġ, Jum iż-Żgħażagħ, Jum l-Għaqdiet Reliġjużi u l-Fratellanzi, Jum il-Morda u l-Anzjani fejn jingħata s-Sagrament tal-Griżma tal-Morda, Jum is-Saċerdoti, ir-Reliġjużi u l-Vokazzjonijiet, kif ukoll issir Tifkira tal-Mejtin tal-Parroċċa. Matul dawn il-ġranet wara l-quddiesa tingħad it-Talba tal-Kwindiċina, Innu u Barka Sagramentali.

Fid-9 ta’ Awwissu isir il-ħruġ tal-vara titulari ta’ Santa Marija fuq iz-zuntier tal-knisja u wara jitkanta l-Innu Ave Maris Stella u l-Antifona.  Waqt il-mument tal-ħruġ jinħarqu diversi murtali kbar tal-logħob. Il-Banda Re Ġorġ V tieħu sehem waqt dan l-avveniment, kif ukoll tagħti bidu għall-ewwel marċ tagħha fit-toroq tal-Imqabba li jintemm bil-briju fil-pjazza. F’din il-ġurnata jkun hemm ukoll logħob tan-nar tal-ajru kif ukoll tal-art.

Fl-10 ta’ Awwissu l-Banda Re Ġorġ V tagħmel Kunċert Vokali u Strumentali fil-pjazza ewlenija taħt il-Patroċinju ta’ diversi persuni distinti.  Waqt din l-istess attività jsiru xi diskorsi u preżentazzjonijiet awdjoviżivi kif ukoll isiru diversi preżentazzjonjiet.

Fil-11, 12, u 13 ta’ Awwissu huma l-Ewwel Jum tat-Tridu, it-Tieni Jum tat-Tridu u t-Tielet Jum tat-Tridu rispettivament.  Fil-jiem tat-Tridu tiġi organizzata quddiesa solenni fejn ikun hemm mistieden predikatur speċjali. Wara tingħad it-Talba tal-Kwindiċina, Innu, Salve Regina, Latanija, Antifona u Barka Sagramentali.  Matul l-ewwel jumejn tat-Tridu jkollna baned mistiedna biex idoqqu l-marċi fit-toroq. Fit-tielet jum tat-Tridu l-Banda Re Ġorġ V iddoqq il-marċi fit-toroq fejn dawn lejn it-tmiem ikunu akkumpanjati mill-briju organizzat mis-Sezzjoni Żgħażagħ li jieħdu ħsieb li jorganizzaw spettaklu bl-aktar mod oriġinali.

L-14 ta’ Awwissu huwa lejlet il-festa. Wara l-quddiesa ta’ filgħodu jitkanta it-Te Deum u l-Antifona Beata Mater. Dan jiġi akkumpanjat mill-ħoss ta’ diversi murtali tal-logħob. Wara nofsinhar issir it-Translazzjoni Solenni tar-Relikwa li tkun akkumpanjata bil-ħsejjes ta’ diversi murtali tal-logħob. Kif il-purċissjoni terġa tidħol il-knisja titkanta is-Salve Regina mill-orkestra li tkun akkumpanjata mal-vuċijiet. Wara ssir quddiesa kantata kif ukoll ċelebrazzjoni Ewkaristika. Wara li jintemmu dawn, ikollna magħna żewġ baned mistiedna fejn dawn jeżegwixxu Programmi Strumentali fil-pjazza. Filgħaxija jkun hawn wirjiet kbar ta’ logħob tan-nar oriġinali sinkronizzat mal-mużika u wara jkun hawn in-nar tal-art mekkanizzat.

Nhar il-festa fil-15 ta’ Awwissu filgħodu ssir Quddiesa Konċelebrata Solenni bil-Paniġierku, li fiha ssir priedka fuq il-ħajja tal-Madonna. Wara nofsinhar isir marċ brijuż mill-Banda Re Ġorġ V li jintemm bil-briju quddiem il-każin. Filgħaxija jsir Għasar Solenni fil-knisja u tingħad is-Salve Regina u l-Litanija. Il-qofol tal-festa jintlaħaq għas-sebgħa, fejn tibda ħierġa l-purċissjoni solenni bil-vara artistika ta’ Santa Marija madwar ir-raħal, akkumpanjata minn innijiet u marċi minn żewġ baned mistiedna u ħafna logħob tan-nar. Hekk kif il-vara tasal quddiem il-każin, jindaqq l-Innu l-Kbir lil Marija Mtellgħa s-Sema. Għall-ħabta tal-għaxra u kwart jibda d-dħul tal-purċissjoni solenni bil-vara artistika ta’ Santa Marija.  Wara titkanta l-antifona u tingħata l-Barka Sagramentali. F’dan il-ħin id-dilettanti tan-nar jinġabru ġewwa l-knisja.  Wara li jsiru xi ringrazzjamenti ġewwa l-knisja, l-attività f’dan il-jum tintemm permezz ta’ marċ qasir li jintemm quddiem il-każin.

F’jum l-Ottava, it-22 ta’ Awwissu, filgħaxija ssir quddiesa fejn wara jkun hemm ir-ripożizzjoni tar-Relikwa, Te Deum u Barka Sagramentali.  F’dak il-jum stess issir ikla grandjuża fil-pjazza ewlenija.

Scroll to Top