Għalkemm banda bi storja ta’ ftit aktar minn 60 sena, ġejja minn raħal żgħir bħalma hu l-Imqabba, il-Banda Re Ġorġ V irnexxielha f’dawn l-aħħar snin tibni relazzjonijiet internazzjonali ferm tajba ma’ għadd ta’ baned barranin, kif ukoll ma’ għadd ta’ mużiċisti, kompożituri u surmastrijiet barranin. Dawn ir-relazzjonijiet, li raw il-bidu tagħhom fis-sena 1992 u li komplew jikbru għall-aħħar tal-1995, ċertament taw u qed ikomplu jagħtu frott tajjeb b’risq il-Banda u s-Soċjetà.
Is-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V tal-Imqabba minn dejjem ħasset il-bżonn u fehmet li m’għandiex tibqa’ magħluqa fil-kurituri dojoq ta’ pajjiżna. Sa minn meta s-Soċjetà daħlet fid-dinja tal-informatika permezz tas-sit uffiċjali tagħha www.santamarija.com lura għas-sena 1996, is-Soċjetà rat kif ser tkabbar ir-relazzjonijiet tagħha barra minn xtutna speċjalment ma’ kompożituri, surmastrijiet, mużiċisti u baned barranin. Biss l-ewwel esperjenza fuq bażi internazzjonali tmur lura għas-sena 1992 meta s-Soċjetà kellha bħala mistiedna speċjali għall-festa titulari tal-Imqabba lill-membri tar-Red Arrows kif ukoll lill-ekwipaġġ tal-Ark Royal ftit wara, sabiex sena wara lqajna grupp ta’ tfal minn Chernobyl u grupp ta’ ommijiet flimkien ma’ wliedom refuġjati mill-Bosnija fl-okkażjoni ta’ Jum l-Omm. L-akbar avveniment sar fis-sena 1996 meta l-Banda Re Ġorġ V ħarġet iddoqq għall-ewwel darba barra minn xtutna sewwasew ġewwa Ascoli Piceno, l-Italja. Din l-esperjenza ta’ ġemellaġġ wasslet sabiex is-Soċjetà tagħna tiġi ppremjata bl-Les Étoiles d’Or du Jumelage mill-Unjoni Ewropea. Dan kollu kien il-bidu tal-ħidma internazzjonali tal-banda tagħna, bidu mimli suċċessi kbar. Naturalment dan kien ta’ kuraġġ kbir ħalli din il-ħidma tkompli. U hekk insibu għadd ġmielu ta’ baned barranin oħrajn li żaru Malta għall-festa ta’ Santa Marija. Wara l-1996, seta’ jkollna fostna diversi baned, surmastrijiet u anke korijiet barranin speċjalment matul il-festa ad unur Santa Marija. Insibu li fis-sena 1997 kellna fostna l-Corpo Bandistico Santa Vittoria in Matenano mill-Italja filwaqt li sena wara kellna fostna l-Banda Jugend Blasorchester tal-Ġermanja (1998). Is-Soċjetà kompliet tkabbar ir-relazzjonijiet barranin billi kellna fostna l-Banda Filarmonika ta’ Larissa mill-Greċja u l-Banda Kiryat mill-Iżrael bħala parti mill-festi tal-Assunta li ċċelebrajna fis-sena tal-millenju (2000). Sena wara (2001) kellna bħala banda mistiedna l-Kfar Saba Community Concert Band mill-Iżrael, filwaqt li f’Novembru tas-sena 2002 kien imiss il-Kor minn Iżrael, Alei Gefen.
Minbarra dawn ir-relazzjonijiet ma’ baned barranin, irnexxielna wkoll nibdew kuntatti ma’ xi surmastrijiet, kompożituri u mużiċisti barranin. Dan qiegħed iservi sabiex il-banda tagħna, minbarra li titgħallem mill-esperjenza ta’ dawn il-persuni, tirċievi għadd ta’ mużika oriġinali li ftit minnha ġiet inkluża wkoll fil-compact disc (CD) maħruġ mis-Soċjetà fis-sena 2002 – Festive Marches. Uħud minn dawn huma Salvatore Mauro (Kompożitur u Mużiċist minn Palermo, Italja), Nachmann Yariv (Kompożitur minn Kfar Saba, Iżrael), Edmond E De Mattiea (Mużiċist minn Maryland, Stati Uniti), u Arthur Lehman (Mużiċist minn Maryland, Stati Uniti).
Wara mbagħad, fis-sena 2005 kellna bħala banda oħra barranija mistiedna għall-festa ta’ Santa Marija l-Bedford Town Band mill-Ingilterra. Għall-festi tal-2006 kellna fostna l-Banda St. Keverne minn Cornwall, l-Ingilterra kif ukoll il-Whistling World Champion David Morris, filwaqt li fis-sena 2007 kellna fostna Surmast Amerikan minn Louisana Mro. Andy, kif ukoll banda oħra Ingliża għal darb’oħra minn Cornwall fl-Ingilterra, St. Stythians Brass Band. Il-Banda Taljana Associazione Bandistica Cittadina di Cave, provinċja ta’ Ruma kienet il-banda barranija mistiedna tagħna matul il-festa tas-sena 2008 wara li f’Lulju tas-sena 2007 l-Banda tagħna kienet għamlet it-tieni mawra tagħha barra minn Malta sabiex tieħu sehem fil-Festa del Socio li ssir ġewwa Cave stess. Ta’ min isemmi wkoll li f’din il-mawra ġewwa l-Italja, il-Banda Re Ġorġ V kellha x-xorti u l-opportunità li ddoqq ġewwa s-Sala Nervi fil-Vatikan, waqt udjenza mal-Papa Benedittu XVI. F’din il-festa kienu ħadu sehem ukoll diversi baned oħra barranin kemm mill-Italja, Franza u mill-Ingilterra.
Fis-snin riċenti s-Soċjetà kompliet tkabbar dawn ir-relazzjonijiet internazzjonali meta fuq inizjattiva tas-Sezzjoni Żgħażagħ Santa Marija ġie organizzat l-ewwel skambju kulturali fl-Imqabba ma’ grupp ta’ żgħażagħ Taljani minn Cirò. Min-naħa l-oħra l-Għaqda tan-Nar Santa Marija kompliet tifrex ir-relazzjonijiet internazzjonali tagħha ma’ diversi għaqdiet fl-istess settur minn pajjiżi varji fosthom l-Italja, l-Ingilterra u Spanja speċjalment wara s-suċċessi miksuba. Dan kollu żgur li għen sabiex il-Banda Re Ġorġ V tal-Imqabba kif ukoll is-Soċjetà tagħna kibret fuq livelli internazzjonali.