L-istatwa ta’ Santa Marija ġewwa pjazza Ġublew tad-Djamanti

Madwar ir-raħal tal-Imqabba nsibu diversi statwi tal-ġebel tal-Patruna ta’ raħalna, Santa Marija. Ewlenija fosthom hija l-istatwa li tinsab fil-Pjazza tal-Parroċċa, li twaqqfet fl-1960, wara li l-istatwa li kien hemm flokha sfat vittma tat-tiġrib tal-gwerra. Statwa oħra prominenti hija dik li tinsab fuq is-seda tas-Soċjetà Santa Marija, filwaqt li ma jonqsux id-diversi niċeċ fil-faċċati ta’diversi djar, li juru d-devozzjoni li l-poplu Mqabbi minn dejjem kellu lejn l-Assunta.

 

Fis-sena 2014 twettqet ħolma għal diversi devoti, fejn proprju fit-8 ta’ Awwissu 2014, ġiet inawgurata statwa oħra tal-ġebel, ġewwa pjazza Ġublew tad-Djamanti fiz-zona magħrufa aktar bħala il-Mentna, u b’hekk din tkun l-iktar statwa li tqarreb lejn l-istatwa Titulari ta’ Ommna Marija Assunta li tinsab ġewwa l-knisja Parrokkjali Maria Assunta. L-post magħżul kien wieħed strateġiku, peress li huwa wieħed mill-postijiet l-iktar antiki ta’ raħalna, fejn jinsabu l-Katakombi Paleo Kristjani, liema sejba saret fl-1860. B’hekk b’mod simboliku, dan il-post jissinifika t-tradizzjoni u l-kult Marjan li ħaddan il-poplu Mqabbi tul iż-żminijiet, devozzjoni u qima li waslet sabiex saħansitra l-Knisja parrokkjali tkun iddedikata lill-Assunzjoni ta’ Sidna Marija. B’mod simboliku wkoll, din l-istatwa l-ġdida tinsab eżattament fit-tarf ta’ triq li ġġib isimha, Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija.

 

Kien fl-2011, fejn membri tal-Kumitat Eżekuttiv bdew jaħdmu fuq din il-ħolma. Wara riċerka dettaljata ta’ uħud mill-aqwa skulturi f’pajjiżna, din il-biċċa xogħol ġiet ikkummissjonata lill-iskultur Żebbuġi Lawrence Attard, li ħadem ukoll l-armi li nsibu mal-faċċata tas-Sede tas-Soċjetà Santa Marija. Fl-1992, is-Sur Attard kien ġie kkummisjonat biex jaħdem il-fontispizju ta’ din l-istatwa fejn kompla jsebbaħ il-faċċata tal-każin tagħna u l-Pjazza li tinsab fiha. L-iskultur bravu Lawrence Attard mhux biss iddisinja l-istatwa fuq il-mudell tal-istatwa Titulari iżda wkoll iddisinja l-pedestall sabiex jikkumplimenta b’mod perfett din l-istatwa artistika.

 

Il-finanzjament ta’ din l-istatwa kien element importanti sabiex din isseħħ u għaldaqstant ġie avviċinat Wenzu Ellul, wieħed mill-familja benefattriċi Ta’ Katrinu. Dan wiegħed li ser ikellem lil ħutu u f’Jannar 2012, il-familja Ellul aċċettaw li jħallsu dan il-proġett. Dan il-ġest kien sinifikanti ħafna, għaliex kien nannuhom li rregala l-istatwa ta’ fuq is-sede tas-Soċjetà Santa Marija, f’Ġunju tal-1952. Kienet l-istess familja wkoll li rregalaw l-armi tal-faċċata tas-Sede tas-soċjetà, li nkixfu uffiċjalment nhar is-Sibt 10 t’Awwissu tal-1991.

 

Fl-ewwel xhur ta’ 2012, ingħatat spinta sabiex issir l-applikazzjoni għall-permessi meħtieġa. Saru diversi laqgħat bejn il-President u s-Segretarju ta’ dak iż-żmien, l-iskultur u membri tal-familja Ellul, bl-għan li jsiru l-aħħar irtokki fuq iddisinn. Ġew deċiżi wkoll it-turġien tal-irħam għall-pedestall u d-disinn tad-dawl. Il-pedestall jinkludi żewġ armi, tal-Madonna u l-arma tal-familja benefattriċi. B’ġest simboliku, il-blata għall-statwa u l-pedestall inqatgħu mill-istess post fejn kienet inqatgħet il-blata għall-istatwa ta’ fuq is-sede tas-soċjetà. Din il-blata nqatgħet f’Ottubru 2012 u ttieħdet mill-ewwel fil-post tax-xogħol tal-iskultur Lawrence Attard. F’Awwissu 2013 ħarġu l-permessi, grazzi wkoll għall-ħidma mill-Periti Toni Bezzina u Daniel Portelli. Grazzi wkoll tmur għas-sindki s-Sur Noel Galea u Nicky Briffa, għas-sehem tagħhom mal-awtoritajiet kif ukoll ringrazzjament speċjali jmur għall-Onorevoli Marlene Farrugia.

 

Il-ġebla li minnha sar il-pedestall ta’ din l-istatwa nqatgħet mill-barriera ta’ Alex, John u Micheal Ghigo, magħrufa aħjar bħala ta’ Pataw. Il-ġebla li minnha nħadmet il-parti tal-lavur fejn inħareġ il-gwarniċ ġiet maqtugħha mill-barriera tal-aħwa Carmel, Robert, Mario u Joseph, u missierhom Anthony Bondin, magħrufa aħjar bħala ‘Ta’ Ganga’. Minnbarra s-sehem finanzjarju, l-familja Ellul Ta’ Katrinu, ħaffru l-pedament għall-bazi tal-pedestall, permezz tal-ħaddiema tal-kumpanija Elbros, u għenu fil-bini tal-pedestall u tpoġġija tal-istatwa. Id-diffikultajiet f’dan il-proċess kollu, b’mod speċjali fit-tħaffir u preparamenti fil-post, ma naqsux, però bl-intervent siewi ta’ membri mill-kumitat, kull diffikultà ġiet megħluba. Membri tal-kumitat żaru diversi drabi l-aħħar preparamenti fuq l-istatwa matul is-sena 2014 u hekk kif kien qed jidher li l-istatwa waslet fl-aħħar fażijiet tagħha, ġie deċiż li nhar is-7 ta’ Awwissu 2014 tinġieb l-istatwa ġewwa r-raħal tagħna, fost ħafna stennija u briju mill-partitarji. Kien proċess delikat ħafna, il-preparazzjoni għall-istatwa sabiex titgħabba ġot-trakk, liema proċess dam mis-sitta ta’ filgħodu sas-siegħa ta’ wara nofsinhar biex tlesta, sabiex jibda l-vjaġġ lejn r-raħal għażiż tagħna tal-Imqabba. Hekk kif kienu nfurmati li l-istatwa kienet tinsab fi triqitha lejn raħalna, diversi membri tal-kumitat u partitarji bdew jinġabru fil-post, jistennew fuq ix-xwiek il-miġja ta’din l-istatwa. Wieħed diffiċli jesprimi l-ferħ li nħass hekk kif feċċet l-istatwa u din intlaqgħet b’ħafna ferħ, ċapċip, daqq tas-sirena, salut u sfafar. Xi demgħa ma naqsitx hekk kif din il-ħolma issa verament kienet qed isseħħ fir-realtà.

 

Il-pass li kien imiss kien li titpoġġa l-istatwa fuq il-pedestall, xogħol delikat li sar b’tant dedikazzjoni bis-sehem tal-ħaddiema tal-kumpanija Elbros stess, taħt il-ħarsa tal-iskultur. Hekk kif bdew isiru l-aħħar preparamenti, ġie mpoġġi d-dawl mad-dawra tal-istatwa, mis-Sur Ivan Falzon. Wara l-aħħar irtokki mill-iskultur, l-istatwa tgħattiet u bdew isiru l-aħħar preparamenti għall-programm strumentali li sar fl-okkażjoni tal-inawgurazzjoni ta’din l-istatwa.

 

Kollox kien bil-lest għat-8 ta’ Awwissu tas-sena 2014, fejn fil-preżenza tal-benefatturi Ellul, membri tal-kumitat, l-iskultur, u diversi nies li kienu parti b’xi mod jew ieħor fil-proċess sabiex titwettaq din il-ħolma, ingħata bidu għall-programm strumentali bis-sehem tal-Banda Re Ġorġ V. L-eċitament seta’ jidher fuq wiċċ kulħadd, mhux b’inqas fuq wiċċ Lawrence, Carmel, Saviour, John u Philip Ellul li kienu huma li kixfu l-istatwa uffiċċjalment. Wara sar it-tberik mill-Wisq Reverendu Kappillan ta’ dak iż-żmien il-Kanonku Dun George Spiteri. Il-Programm tkompla bis-sehem ukoll tal-brava Sopran Mqabbija Francesca, il-Kavallier Carmel Bianchi u l-kantanta Gabrielle Portelli.

 

Ix-xogħol ma waqafx hemm, hekk kif fix-xhur ta’wara tkomplew l-aħħar irtokki ħfief fuq l-istatwa sabiex issa nistgħu ngħidu li għandna opra kbira artistika, xbieha tal-Patruna Universali Santa Marija. Saret ukoll grada tal-ħadid, bid-disinn ikun tal-iskultur innifsu, filwaqt li kienet maħduma minn Jerry Ghigo. Din kienet l-ikbar opra ta’ arti li l-iskultur bravu Attard qatt skolpa, xogħol monumentali li ser jibqa’ ipaxxi l-għajn tal-ġenerazzjonijiet futuri.

 

 

Album tar-Ritratti – Inawgurazzjoni tal-istatwa Artistika ta’ Santa Marija fil-Pjazza Ġublew tad-Djamanti
Album tar-Ritratti – Minn Ħolma għal Realta’
Scroll to Top