René, Mqabbi, twieled fis-sena 1995. Irċieva l-ewwel tagħlim mużikali mingħand missieru Anthony. Fl-eta tenera ta’ ħames snin, għadda mill-auditions sabiex jibda jitgħallem t-teorija tal-mużika fi ħdan l-iskola Nazzjonali tal-mużika “Johaan Strauss” ġewwa l-Belt Valletta. Huwa lesta s-snin tat-teorija fis-sena 2009, filwaqt illi f’dan iż-żmien beda jistudja l-klarinett għand Mro. Michael Pirotta u l-pjanu għand Mro. Paul Abela u Mro. Lino Cauchi. Fl-2015, René ġab l-Associate Diploma b’distinction in clarinet performance mill-London College of Music.
Huwa kompla jieħu lezzjonijiet privati fl-armonija, kuntrappunt, strumentazzjoni u direzzjoni ma’ Mro. Luke Vella. Dan wassal biex ġab l-Associate Diploma in music composition mill-universita’ ta’ West London. Preżentament jinsab jipprepara repertorju orkestrali għal LLCM fil-komposizzjoni. Fis-sena 2022, René attenda għal masterclasses fuq komposizzjoni ta’ mużika għal baned ġewwa l-Italja mal-kompożitur rinomat fis-settur, Mro. Donald Furlano.
Fis-sena 2018 ġie maħtur bħala Assistent Surmast tal-Banda Re Ġorġ V, għalliem fi ħdan l-iskola tal-mużika u direttur tal-King George V Youth Band.
René beda jikkomponi diversi marċi għal baned lokali, u fis-sena 2021 kien l-iżgħar finalista fis-sitt edizzjoni tal-ikbar konkors tal-marċi, Concorso Internazionale di Composizione per Marce, Citta’ di Allumiere (Roma). Hawnhekk, il-marċ tiegħu bl-isem “TAMA” intagħżel mal-aqwa għaxra minn fost disgħin kompożitur ieħor minn madwar id-dinja. Fl-edizzjoni ta’ wara reġgħa għadda għal finali u rebaħ il-kategorija tiegħu bil-marċ “QUEEN J”. Iktar tard fis-sena 2023, René għadda fil-finali tal-ewwel edizzjoni fl-International Composition Competition “Vito Salvatore Monitto”, u hawnhekk akkwista t-tielet post bil-concert march “JACQUI”. F’ Diċembru tas-sena 2023, huwa rebaħ l-ewwel post fil-European Classical Music Awards bil-kwartett għall-istrumenti tal-korda “VIDA”. Fis-sena 2024, René rebaħ l-unur tal-ġurija bil-komposizzjoni oriġinali “TWO PERSIAN CATS”, fl-għaxar edizzjoni ta’ Sinnai International Composition Competition for Youth Wind Bands. Iktar tard, il-komposizzjoni tiegħu “RISE” għal concert band għaddiet għall-finali minn fost 56 komposizzjoni oħra fil-5th International Composition Competition organizzat mill- World Association of Symphonic Bands and Ensembles (WASBE).
Ix-xogħlijiet muzikali ta’ René ġew iġġudikati minn fost l-aqwa kompożituri u diretturi tal-baned, fosthom Marco Somadossi, Jacob de Haan, Kevin Houben, Lorenzo Pusceddu, Franco Arrigoni, Andreas Schafer, Yukiko Nishimura, Jodie Blackshaw u Dr. Nicholas Williams, fost oħrajn. Il-mużika tiegħu indaqqet mill-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta (AFM), il-banda militari tal-Portugal, Singapore Wind Orchestra u diversi baned madwar l-Italja.
Illum René jaħdem mal-publishers Scomegna (Italja) u Molenaar (Olanda) sabiex ta’ kull sena jippubblika mużika oriġinali u arranġamenti għal baned madwar id-dinja.
Il-bogħod mill-mużika, René ggradwa b’ Bachelors Degree in Mechanical Engineering mill-Universita’ ta’ Malta u Masters of Science (M.Sc) b’distinction f’ Building Services Engineering and Management mill-Universita’ ta’ Brunel (Londra). Huwa miżżewweġ lil Amanda u missier taċ-ċkejkna Jacqui.