Mro Gordon Mayer A.T.C.L.

gordonmayerMro Gordon Mayer twieled il-Qrendi fl-1 ta’ Novembru 1987, iben Simon u Maria Consolata née Mifsud mill-Qrendi stess, u tgħammed fil-Knisja Parrokkjali tal-Qrendi. Huwa attenda l-iskola Primarja tal-Qrendi u wara kompla bl-istudju sekondarju tiegħu fl-iskola taż-Żurrieq Mons. Pietru Pawl Saydon u fl-iskola San Franġisk t’Assisi f’Santa Venera fejn temm il-ħames sena tas-sekondarja. Huwa kompla jistudja l-MCAST fil-kors tal-Istallazzjoni Elettrika.

Minn meta kien għad għandu età żgħira ħafna, huwa kien dejjem isegwi l-passi ta’ missieru u minn dejjem wera l-interess fil-mużika. Beda jitgħallem il-mużika ta’ ħdax-il sena fil-Każin tal-Banda Filarmonika Lourdes tal-Qrendi taħt is-Surmast Mro Charles Cachia. Fis-sena 2001 ħareġ idoqq għall-ewwel darba bl-althorn (Baritone) mal-banda Lourdes tal-Qrendi. Għal Gordon dan ma kienx biżżejjed għax huwa baqa’ jattendi b’mod regolari għal-lezzjonijiet tal-prattika kif ukoll tat-teorija taħt l-istess surmast, u maż-żmien kiseb il-Grad B tat-Teorija mil-London College of Music u r-Royal School of Music.

Wara li għaddew seba’ snin ta’ studju, Mro Charles Cachia kien ħajjar lil Gordon Mayer biex japplika mal-banda tal-Forzi Armati ta’ Malta. Għal Gordon din ma kinitx deċiżjoni faċli għax kienet tirrigwarda l-futur tiegħu. Meta applika fl-2008, Gordon ġie magħżul biex jifforma parti mill-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta li hija banda prestiġjuża f’pajjiżna u hija mmexxija mill-Kaptan John Ivan Borg. Fl-istess sena, Gordon Mayer qaleb l-istrument tiegħu għall-Bass Trombone fejn kompla jistudja bis-serjetà l-prattika għand Mro Paul Borg li jifforma parti mill-Orkestra Nazzjonali ta’ Malta.

Nhar l-Erbgħa 24 ta’ Ġunju 2008 fil-Programm tal-Festa tal-Madonna ta’ Lourdes fil-Qrendi, Gordon kien daqq “The Laughing Trombone solo”  li kien ta’ sodisfazzjon kbir għalih, kif ukoll għall-banda Lourdes, bil-wirja li kien għamel bħala bandist tal-post. Illum il-ġurnata huwa wkoll idoqq l-euphonium ma’ diversi baned, kemm f’marċi kif ukoll fi programmi. Fit-18 ta’ Ġunju 2012 Gordon iggradwa u kiseb id-diploma Associate Trinity College of London A.T.C.L. bl-interpretazzjoni li kien għamel fl-eżami bil-Bass Trombone. Huwa kiseb l-LLCM u FLCM fit-trumbun u qiegħed ukoll jistudja t-teorija għall-eżami ta’ Grad 8 u d-direzzjoni. Gordon għandu bosta marċi brijużi kif ukoll funebri li huma kompożizzjoni tiegħu.

Fis-16 ta’ Novembru 2012, is-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V ħatret lil Gordon Mro Mayer Assistent Surmast direttur ta’ Mro David Agius  fejn hu jassisti fit-tagħlim tal-allievi. Hu idderieġa l-Banda Re Ġorġ V għall-ewwel darba, fil-15 ta’ Dicembru 2012 waqt kunċert mill-Banda Re Ġorġ V fl-okkażjoni tal-20 sena Sezzjoni Żgħażagħ u l-15-il sena mill-għoti tal-unur uniku u prestiġjuż Les Étoiles d’Or du Jumelage. Fis-sena 2013 hu irregala tliet marċi minn tiegħu lis-Soċjetà tagħna u dawn iżanżnu fil-festa dik is-sena stess.

Scroll to Top