Il-Kummissjoni Banda

F’organizzazjoni bħalma hi s-Soċjetà Santa Marija tal-Imqabba, fejn jeżistu għanijiet diversi, u fejn il-ħidma globali tinqasam f’għadd ta’ fergħat differenti, numru ta’ kummissjonijiet jiġu maħtura mill-Kumitat Eżekuttiv sabiex jikkoordinaw il-ħidma li ssir f’kull fergħa partikolari. Waħda mill-fergħat fi ħdan is-Soċjetà hija dik tal-Banda Re Ġorġ V fil-qasam mużikali, fergħa mill-aktar importanti, tant li l-ħidma fiha hija riflessa fl-isem uffiċjali tas-Soċjetà. Is-suċċess tal-Banda Re Ġorġ V, flimkien ma’ dak tal-festa ta’ Santa Marija huma l-għanijiet ewlenin għalfejn is-Soċjetà twaqqfet u għadha miexja llum. Sabiex tikkoordina l-ħidma tal-Banda fi ħdan is-Soċjetà nsibu lill-Kummissjoni Banda Re Ġorġ V.

L-għan ewlieni tal-Kummissjoni Banda hu biex tassigura li l-Banda Re Ġorġ V dejjem tkompli miexja ‘l quddiem. B’kollaborazzjoni sħiħa mas-Surmast Direttur Mro David Agius u l-Assistent tiegħu René Camilleri, il-Kummissjoni Banda tara li l-banda tikseb suċċess f’kull impenn li din ikollha, kemm matul il-ġranet tal-festa ta’ Santa Marija, kif ukoll matul il-kumplament tas-sena. Dan billi tassigura li għal kull servizz il-banda tkun iffurmata minn element tajjeb ta’ mużiċisti, skond ma jitlob is-servizz partikolari. Il-Kummissjoni Banda hija wkoll responsabbli mill-għażla tal-mużika li tindaqq f’kull impenn uffiċjali tal-Banda. Għal dan il-għan il-Kummissjoni Banda hija kostantament impenjata biex tarrikkixxi l-arkivju mużikali tal-Banda, kemm f’dak li jirrigwarda mużika tradizzjonali Maltija, bħal ngħidu aħna marċi tradizzjonali Maltin, kif ukoll f’dak li jirrigwarda mużika oħra addatata għal okkażjonijiet varji (eż. Milied, Ġimgħa Kbira, Programmi Vokali u Strumentali, etċ).

Impenn ieħor tal-Kummissjoni Banda huwa fejn jirrigwarda l-iskola tal-mużika mwaqqfa fi ħdan is-Soċjetà. Il-Kummissjoni Banda tikkoordina l-ħidma tal-iskola, fejn jingħata tagħlim u taħriġ mużikali bla ħlas lil dawk kollha li huma interessati. Il-Kummissjoni Banda hija dejjem impenjata sabiex tattira dejjem aktar tfal u żgħażagħ sabiex jingħaqdu mal-Banda Re Ġorġ V.

Il-Banda Re Ġorġ V għandha element ta’ bandisti tal-post, li ħadu t-tagħlim u t-taħriġ mużikali fi ħdan is-Soċjetà u li llum il-ġurnata jagħtu s-sehem tagħhom kull meta l-Banda Re Ġorġ V tkun impenjata. Il-Kummissjoni Banda taħdem id f’id ma dawn il-mużiċisti permezz ta’ laqgħat regolari sabiex jiġi żgurat li kull problema li tista’ tinqala’ tiġi solvuta minnufih.

Permezz ta’ laqgħat regolari kemm mas-Surmast Direttur, mal-Assistent Surmast Direttur, kif ukoll mal-Kumitat Eżekuttiv tas-Soċjetà, jiġi żgurat li l-Banda Re Ġorġ V tibqa’ dejjem miexja fit-triq it-tajba.

Ħidma oħra tal-Kummissjoni Banda hija fil-qasam internazzjonali. Isiru għadd ta’ kuntatti ma’ Baned, Surmastrijiet u Mużiċisti minn għadd ta’ pajjiżi madwar id-dinja sabiex isiru skambji fil-qasam mużiko-kulturali. Il-Kummissjoni Banda temmen illi ħidma simili tista’ tħalli ġid kbir, kemm lill-Banda, kif ukoll lis-Soċjetà, lir-raħal tagħna, u lill-pajjiżna. Xhieda ta’ dan huma l-għadd ta’ suċċessi miksuba fil-qasam internazzjonali mill-Banda Re Ġorġ V, permezz ta’ numru ta’ skambji u ġemellaġġi ma’ baned oħrajn ġejjin minn pajjiżi differenti. Ewlieni fost dawn is-suċċessi wieħed ma’ jridx jinsa l-unur Ewropew Les Étoiles d’Or du Jumelage li nkiseb mill-Unjoni Ewropea fl-1998 wara skambju ta’ ġemellaġġ li jeżisti bejn is-Soċjetà u l-Corpo Bandistico Cittadino di Santa Vittoria in Matenano, banda li ġejja mir-raħal ta’ Santa Vittoria in Matenano, li jinsab fil-provinċja ta’ Fermo, viċin il-belt ta’ Ascoli Piceno, fir-Reġjun Marche fl-Italja.

Il-Kummissjoni Banda hija ffurmata mill-Ing. Mro. Rene’ Camilleri, Mro. David Agius, Mro. Neil Zammit, Chris Spiteri, Philip Saliba, Chris Schembri Baldacchino, Alaizah Soleil Gerada u Gabriel Mizzi.

Scroll to Top