L-Għaqda tan-Nar Santa Marija tal-Imqabba ġiet ikkonfermata bħala ċ-Ċampjin Mondjali fil-logħob tan-nar. Dan wara li l-istess Għaqda ħadet sehem u rebħet il-festival internazzjonali tal-logħob tan-nar li jsir ta’ kull sena fil-provinċja ta’ Ruma sewwasew ġewwa Valmontone fl-Italja. Dan il-festival, magħruf sewwa mad-dilettanti tan-nar bħala “Caput Lucis” offra spettakli kbar ta’ nar minn tmien fabbriki mondjali li huma meqjusin fost l-aqwa fid-dinja. Dawn kienu mill-Italja, Ingilterra, Spanja, Rumanija, Ġappun, Slovenja, Ċina u minn Malta rappreżentata mill-Għaqda tan-Nar Santa Marija tal-Imqabba. L-Għaqda tan-Nar Santa Marija tal-Imqabba tat l-ispettaklu tagħha nhar il-Ħamis 2 ta’ Awwissu quddiem folla enormi ta’ madwar 350,000 persuna. Fil-wirja spikka t-talent u xogħol uniku Malti fosthom murtali bil-logħob, baraxxijiet, bebbux, forom u disinni, kliem jifforma minn żbroffaturi, blalen, sfejjer, frieken eċċ.
Dan kien it-tieni suċċess internazzjonali għal din l-Għaqda fi żmien sentejn, billi l-Għaqda tan-Nar Santa Marija tal-Imqabba kienet l-ewwel rebbieħa tal-kompetizzjoni fil-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar li sar f’Malta fl-2006.
L-Għaqda tan-Nar Santa Marija fi ħdan is-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V tal-Imqabba hija kburija b’dan is-suċċess uniku għall-pajjiżna. Żgur li riżultat prestiġġjuż bħal dan għen biex għamlilna unur kbir kemm għas-Soċjetà tagħna, għal raħalna kif ukoll serva ta’ riklam tajjeb għal pajjiżna.