Is-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V tal-Imqabba minn dejjem ħasset il-bżonn tas-sehem tal-mara fis-Soċjetà. B’dan il-ħsieb, kien fis-sena 1990 meta uffiċjalment twaqqfet fi ħdan is-Soċjetà l-Fergħa tan-Nisa bil-għan ewlieni li jorganizzaw attivitajiet varji immirati lejn il-familja kollha tul is-sena kollha. Saħansitra din l-għaqda ġiet inkluża fl-istatut tas-Soċjetà b’mod immedjat li għamlet lis-Soċjetà waħda mill-ewlenin f’Malta li rrikonoxxiet sehem il-mara fis-Soċjetà moderna.
Minbarra d-diversi attivitajiet li jiġu organizzati, din il-fergħa tieħu ħsieb ukoll it-tindif tal-każin u manutenzjoni tad-drapp b’mod partikulari fl-armar tal-festa. Insemmu attivitajiet bħal pereżempju tombli, high teas u coffee mornings, ikliet, lotteriji, il-party tal-Milied għat-tfal u ħarġiet kulturali fost oħrajn. Il-ġbir kollu li jsir imur ta’ kull sena b’risq xi opra artistika fil-każin jew b’risq il-festa. Insemmu pereżempju sett qniepen ġodda rregalati lill-Banda Re Ġorġ V matul il-festa tas-sena 2006 kif ukoll pittura artistika tal-‘Madonna fil-Glorja’ li tinsab fis-sala prinċipali tal-każin. Ta’ min isemmi wkoll li għall-ewwel darba fl-istorja, fil-Kumitat Eżekuttiv elett għas-snin 2008/2010, kellna preżenza femminili fil-Kumitat tas-Soċjetà permezz tas-Sinjorina Maria Psaila Ghigo.
Il-Fergħa Nisa, permezz tal-membri tagħha kienet strumentali fil-ġbir ta’ fondi b’risq il-proġett ambizzjuż tal-estensjoni tal-każin li ġie inawgurat f’Novembru 2010 bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet taċ-Ċentinarju tas-Soċjetà. Il-Fergħa tan-Nisa hija strumentali wkoll f’diversi attivitajiet li jiġu organizzati anke minn sezzjonijiet oħra fi ħdan l-istess Soċjetà kemm għajnuna manwali kif ukoll f’bejgħ ta’ biljetti u lotteriji.