Il-Kummissjoni WEB

 

Hekk kif l-internet illum sar parti integrali mill-ħajja tal-bniedem, hija evidenti l-importanza li kull għaqda jew istituzzjoni jkollha preżenza stabbli fuq l-internet. Studji f’dawn l-aħħar snin juru li l-internet qabeż b’mod assolut il-forom tradizzjonali ta’ komunikazzjoni u midja.

 

Kien dan l-iżvilupp li wassal biex fit-22 ta’ April 2013, il-Kumitat Eżekuttiv tas-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V approva l-proposta mressqa minn partitarji żgħażagħ biex titwaqqaf il-Kummissjoni WEB.

 

L-għan prinċipali tal-Kummissjoni WEB hija li tieħu ħsieb il-kordinament, il-promozzjoni u l-użu tal-mezzi tal-internet tas-Soċjetà. Bdiet billi ġabret u bniet elenku tal-materjal kollu ta’ informazzjoni, fosthom ritratti, filmati, u pubblikazzjonijiet tas-Soċjetà. Dan il-materjal, li jikber minn jum għal ieħor frott kemm is-Soċjetà hija waħda attiva, qed jiġi arkivjat permezz ta’ teknoloġiji moderni u siguri.

 

B’viżjoni lejn il-ġejjieni, il-Kummissjoni daħlet ukoll għal proġett ambizzjuż biex jiġġedded u jissaħħaħ is-sit elettroniku tas-Soċjetà.

 

Fid-dinja moderna, il-midja soċjali, b’mod partikolari, Facebook, YouTube u Twitter, huma l-mutur ewlieni biex is-Soċjetà twassal il-messaġġ tagħha. Biex tissaħħaħ ix-xibka ta’ komunikazzjoni mal-partitraji u mal-komunità virtwali, il-Kummissjoni WEB kompliet ittejjeb l-użu tal-paġna uffiċjali fuq Facebook, www.facebook.com/santamarija, b’kontenut aktar varjat u aġġornat b’mod frekwenti.

 

Permezz ta’ YouTube (www.youtube.com/user/santamarija815), il-Kummissjoni WEB qiegħda wkoll tagħmel disponibbli bosta filmati mill-passat fosthom ħarqiet tan-nar, avvenimenti speċjali bħaż-żjara tal-piloti tal-RAF Red Arrows matul il-festa, u produzzjonijiet li dawn l-aħħar snin saru sinonimi mat-Tielet Tridu. Id-dilettanti tal-banda issa jistgħu wkoll jitpaxxew bil-marċi brijużi tal-Banda Re Ġorġ V permezz ta’ recordings imtellgħin ukoll fuq YouTube.

 

Bil-għan li jintlaħqu dawk il-partitarji li ma jużawx il-midja soċjali iżda jużaw l-email, il-Kummissjoni WEB nediet Il-Ġawhra. F’din in-newsletter elettronika, li tintbagħat lill-partitarji kull xahar, wieħed isib ħafna informazzjoni utli, tagħrif dwar attivitajiet li hemm fil-qrib, kif ukoll ħoloq (links) għal ritratti u filmati ta’ attivitajiet passati.

 

Matul il-festa tal-2013, il-Kummissjoni kienet impenjata b’mod speċjali ma’ dak li għandu x’jaqsam fi ġbid ta’ filmati u ritratti professjonali, kemm f’dak li għandu x’jaqsam ma’ festi esterni u nar, kif ukoll waqt ċelebrazzjonijiet reliġjużi bħat-Tridijiet u l-Quddies tal-Paniġirku. Dan biex għal darb’ oħra tkun tista’ taqsam ix-xogħol kollu li sar matul il-festa b’ħidma volontarja minn kull għaqda tas-Soċjetà, mal-partitarji tagħha permezz tal-midja soċjali msemmijin.

 

Minkejja li t-triq ‘il quddiem hija waħda li tirrikjedi ħafna kuraġġ, kollaborazzjoni u ħidma, l-għan singulari tal-Kummissjoni WEB huwa li tiġi apprezzata l-istorja glorjuża, l-għanijiet u s-suċċessi kbar, u l-ħidma ħabrieka tas-Soċjetà Santa Marija u l-Banda Re Ġorġ V u tal-partitarji tagħha, kif ukoll biex din l-ewwel Soċjetà Mqabbija tibqa’ ewlenija fil-qasam virtwali.

 

Il-Kummissjoni WEB hija ffurmata minn Mario Zammit bħala l-Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi tas-Soċjetà kif ukoll rappreżentant mill-Kumitat Eżekuttiv, Chris Schembri Baldacchino, Antonella Mifsud, Jonathan Mifsud, Marica Mifsud, Naomi Mifsud, Johann Tonna, u Maria Zammit.

Scroll to Top