Rakkont Ħaj

 

Rakkont Ħaj huwa proġett fejn il-membri tal-Kummissjoni WEB iddokumentaw l-istorja tal-Imqabba, mhux bil-kitba kif aħna mdorrija naraw, iżda bill-fomm, direttament minn dawk li għexuha. Il-ħidma ilha għadejja xhur sħaħ, permezz ta’ intervisti ma’ Mqabbin anzjani u dawk ta’ mezza età dwar l-esperjenzi passati tagħhom fir-raħal tal-Imqabba. Dawn l-intervisti u filmati jolqtu aspetti varji mill-ħajja ġewwa dan ir-raħal fis-snin l-imgħoddija fosthom insibu l-logħob tradizzjonali, il-ħajja ġenerali fl-imgħoddi, in-negożji, il-festi, l-armar, u l-logħob tan-nar li huma sinonimi ma dan ir-raħal, is-sengħa tal-ġebel fil-barrieri, it-tbatijiet fi żmien il-gwerra, il-passatempi u kif kienu jqattu il-ħin liberu missirijietna. Instemgħu ukoll stejjer interessanti li forsi ftit nies jafu dwarhom.

Wieħed jista jsegwi rakkonti minn bejjiegħa li ilhom il-fuq minn 50 sena bin-negozju u mill-att umoristiku ma tonqosx ukoll xi rakkont dwar xi farsa jew praspura tat-tfulija l’hemm u l-hawn. Minn aspett indirett imbgħad joħroġ id-djalett Imqabbi, djalett li bħall kull djalett ieħor għandu l-aspett uniku tiegħu filwaqt li jiġu spjegati u jingħata fok fuq kliem li ftit għadhom jintużaw. Dawn ir-rakkonti, qed iqanqlu interess kbir mhux biss minn nies imdaħħlin fiż-żmien li qed jerġgħu iġeddulhom memorji ta’ tfulithom, iżda wkoll minn żgħażagħ u tfal li ftit li xejn jagħfu minn xiex għaddew l-antenati tagħhom u kif kienet it-ħajja f’dawk iż-żminijiet. Wieħed jista’ jsegwi dawn ir-rakkonti ta’ madwar 3 minuti l-wieħed regolarment kull ġimgħa, fuq it-paġna uffiċjali fuq facebook tas-Soċjetà www.facebook.com/santamarija jew fuq youtube permezz tal-paġna www.youtube.com/santamarija815.

 

Dan il-proġett li qed jiġi mtella’ mill-Kummissjoni WEB fi ħdan is-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V tal-Imqabba ma kienx ikun possibbli mingħajr l-għajnuna finanzjarja tal-Creative Communities, fond amministrat mill-Kunsill Malti għall-Arti