Joseph Farrugia

 

Joseph Farrugia

Joseph Farrugia twieled l-Imqabba fl-1926, iben Pawlu u Rosanna née Ellul. Attenda l-Iskola Primarja tal-Gvern sas-6th Standard, skola preparatorja għall-eżami tad-dħul fit-Tarzna tal-Armiraljat, fejn beda jaħdem fl-1943. Huwa tħarreġ u ħadem fl-Inġinerija Mekkanika sa l-1958, u kompla jaħdem mas-Servizzi Ingliżi fuq xogħol klerikali sa l-1978. Fl-1979 beda jaħdem mal-Gvern bħala skrivan u fl-1987 irtira bl-età fil-grad ta’ Executive Officer mal-Università ta’ Malta.

 

Fl-1943 huwa beda jattendi għat-tagħlim tal-mużika fil-Każin Santa Marija u kien idoqq il-vjolin mal-Orkestra Santa Marija. Fl-1946 assoċja ruħu mal-Banda Re Ġorġ V sa l-1951. Bejn l-1966 u l-2006 kien membru tal-Kappella Frankie Diacono, fejn kien idoqq il-vjolin.

 

Bejn l-1947 u l-1951 kien membru tal-kumitat tas-Soċjetà Santa Marija, rappreżentant tal-Banda Re Ġorġ V fil-kumitat u delegat fil-Malta Band Clubs Association. Ġie elett membru fl-ewwel kumitat maħtur wara l-ftehim bejn is-Soċjetà u l-Knisja tal-Imqabba tal-10 ta’ Ottubru 1960, u maħtur kaxxier tal-kumitat. Huwa baqa’ jokkupa dawn il-karigi sa l-1966. Bejn l-1966 u l-1969 ġie maħtur President tas-Soċjetà King George V Band Club. Joseph Farrugia kkompona dawn l-innijiet u marċi:

 

1961 – Innu lil Santa Marija

1994 – Innu lil Marija Assunta

1995 – Marċ – Lill-Fundatur Guzeppi Galea

1997 – Marċ – Lil Raħal Twelidi

 

Huwa ppubblika wkoll għadd ta’ profili ta’ persuni Mqabbin u diversi artikli oħra relatati mal-Imqabba u Ħal Qormi. Joseph Farrugia kien miżżewweġ lil Margaret née Mangion u kellhom tlett itfal. Is-Sur Joseph Farrugia huwa missier il-Maġistrata Dr Marse-Ann Farrugia li għal diversi snin kienet ukoll konsulenta legali tas-Soċjetà sakemm ġiet maħtura bħala Maġistrata fil-Qrati Maltin tal-Ġustizzja.