Abram Gatt, skultur, disinjatur u pittur, twieled f’Bormla fl-1863. Hu ħadem bosta opri f’diversi knejjes f’Malta u f’Għawdex u żgur li jibqa’ ħaj fil-memorji tagħna, speċjalment meta tara xogħol bħall-bradella u l-pedestal (aktar magħruf bħala l-qabar) tal-istatwa titulari ta’ Santa Marija kif ukoll il-Pedestal il-Kbir li jirrappreżenta l-Inkurunazzjoni ta’ Ommna Marija.
Abram Gatt miet fl-1944, f’Ħaż-Żebbuġ fejn kien refuġjat minħabba l-gwerra. Matul l-istess gwerra diversi opri li kienu ġewwa d-dar tiegħu f’Bormla, fi Triq l-Oratorju u li kien qed jaħdem fuqhom, sfaw meqruda.
Fl-Imqabba, kif imsemmi diġà, Abram Gatt iddisinja wieħed mill-aqwa pedestalli li nsibu f’Malta. Qiegħed nirreferi għall-pedestal ta’ taħt l-istatwa titulari ta’ Marija Assunta skolpita minn Xandru Farrugia, Żejtuni, fl-1836. Dan il-pedestal li ġie ddisinjat fl-1928 mill-istess Abram Gatt, ġie maħdum fl-injam mis-Surmast Manwel Buhagiar u wara maħdum fil-fidda f’Milan għand il-kumpanija ‘Antonio Ghezzi e Figli’. B’kollox dan il-pedestal sewa s-somma ta’ £400.
Opra oħra li ddisinja Abram Gatt u li nsibuha fil-Parroċċa tagħna hija l-bradella tal-istess vara titulari li wkoll inħadmet mis-Sur Manwel Buhagiar ġewwa Ħal Tarxien fis-sena 1928 u swiet £200.
Xogħolijiet oħra ta’ Abram Gatt huma żewġ kolonni li jintramaw fil-festa mal-armar tal-pjazza. Fosthom insibu l-Pedestal il-Kbir li jirrappreżenta l-Inkurunazzjoni. Ix-xogħol tal-injam sar fuq disinn tal-Imgħallem Abram Gatt. L-iskultura abbondanti u fina saret minn ċertu Piju mill-Kalkara.
Fir-rigward ta’ pedestalli, Abram Gatt ħadem ħafna, u kollha huma ta’ kwalità għolja ferm. Fost diversi xogħolijiet mifruxin ma’ Malta kollha, ta’ min isemmi tal-Karmnu ġewwa l-Belt Valletta, ta’ San Ġuzepp f’Bormla u f’Ħal Qormi, ta’ San Lawrenz ġewwa l-Birgu u xogħol fuq il-vara titulari ta’ Bormla. Minn barra disinjatur, Abram Gatt irrestawra l-vari ta’ San Publiju u dik ta’ Sant’ Andrija.
Meta wieħed jara l-arranġament tiegħu fil-vara ta’ Santa Marija fl-Imqabba, meta dan ġie mqabbad biex jagħmel disinn ġdid għall-pedestal, jinnota li mingħajr dubju kompla sebbaħ bil-ħila tiegħu l-vara artistika ta’ Santa Marija.