Joseph Sciberras

 

Joseph Sciberras

Is-Sur Joseph Sciberras twieled l-Imqabba nhar il-5 ta’ Awwissu 1948, iben Giovanni Sciberras u Vincenza Sciberras.

 

Ħa l-edukazzjoni primarja fl-Iskola Primarja tal-Imqabba u dik sekondarja fil-Kullegg De La Salle, Kottonera. Kompla jistudja s-sengħa ta’ mekkanik u daħal jaħdem fis-settur privat mal-Kumpanija Malta Rubber (Dowty) bħala Maintenance Mechanic. Fl-1976 ingħaqad fil-Korp tal-Pulizija u laħaq il-grad ta’ Surġent. Għamel xi żmien jaħdem bħala self-employed f’diversi setturi u wara reġa’ ngħaqad mal-Korp. Fl-1994 reġa’ beda jaħdem speċjalment bħala installatur tad-dawl u ilma. Illum jinsab pensjonant.

 

Il-festa minn dejjem kienet għall-qalbu, tant li għamel xi żmien jaħdem fid-delizzju tan-nar. Is-sehem tiegħu fil-festa baqa’ dejjem jikber sabiex fl-1984 sar President tas-Soċjetà. Kellu viżjoni twila tant li għalkemm kellu ħafna oppożizzjoni minn xi partitarji, irnexxielu jaqta’ d-drawwa tal-ħruq tas-sfafar u gassijiet li kienu jsiru fil-marċi brijużi. B’hekk il-banda kellha ħafna aktar sehem f’dawn il-marċi. Din kienet ukoll xi ħaġa ġdida għall-festi Maltin u li nbdiet mis-Soċjetà tagħna – ferm qabel ma ttieħdet l-istess deċiżjoni mill-awtorijiet governattivi. Ħa ħsieb li jkabbar il-programm tal-festa billi fl-1984 nħareġ għall-ewwel darba f’forma ta’ ktieb. Sar ukoll ir-riforniment tal-bar kif ukoll saret z-zokklatura tal-irħam fl-entrata tal-każin.

 

Baqa’ jipparteċipa fil-ħidma tas-Soċjetà billi għall-bosta drabi kien membru attiv f’diversi Kumitati Eżekuttivi.

 

Huwa miżżewweġ lil Georgina née Camilleri u għandu tlett itfal u joqgħod l-Imqabba.