Charles Sciberras


Charles Sciberras

Chev. Charles Sciberras O.S.J. twieled f’Ottubru tas-sena 1938. Studja fil-Kulleġġ ta’ St. Michael u wara kompla bl-istudji tiegħu fl-Università ta’ Malta.

 

Ħadem bħala għalliem u aktar tard ħadem ukoll mas-Servizzi Ċivili. Chev. Charles Sciberras O.S.J. kellu diversi karigi f’għaqdiet differenti fosthom fis-Segretarjat Ħaddiema mal-Partit Nazzjonalista, fl-Assoċjazzjoni Libertas kif ukoll fil-Malta Football Association. Kien ukoll referee tal-football fis-snin sittin u sebgħinijiet.

 

Bejn is-snin 1956 u 1962 ġie maħtur bħala President tas-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V tal-Imqabba. Chev. Charles Sciberras O.S.J. kien ukoll ikkontesta l-elezzjonijiet ġenerali tal-1987 u tal-1992. Imbaghad f’Marzu tas-sena 1994 kien maħtur bħala l-ewwel sindku ta’ San Ġiljan. Chev. Charles Sciberras O.S.J. kien miżżewweġ lil Yvonne u kellhom żewġ subien, il-W. Rev. Kanonku Etienne u Owen.

 

Miet nhar il-Ħamis 4 ta’ Settembru 2008 fl-età ta’ 69 sena. Il-funeral tiegħu sar fil-Knisja Parrokkjali tal-Karmnu ġewwa l-Balluta u d-difna saret fiċ-ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata.