Angelo Ghigo

 

Angelo GhigoAngelo Ghigo twieled l-Imqabba fis-6 ta’ Ġunju 1898, iben Pawlu u Francesca née Mifsud, it-tieni wild fost ħutu Marija Assunta, Giovanni Battista, u Gabriel. Fi tfulitu attenda l-Iskola Primarja tal-Imqabba u wara s-Seminarju Minuri fil-Furjana. L-ewwel ħidma tas-Sur Angelo Ghigo kienet ta’ piżatur f’pitkali. Fl-1918 daħal skrivan fil-H.M. Dockyard minn fejn fl-1922 ġie trasferit fl-Uffiċju Meterjoloġiku li kien għadu kif beda jopera f’Malta. Għall-istorja, dan l-uffiċju kien amministrat mir-Royal Air Force b’kumpliment ta’ Senior Officer u żewġ Forecasters. Beda jopera f’Schembri House Pietà u ġie trasferit fl-1927 għal St. John’s Cavalier Valletta. Fl-1947 mar fl-ajruport ta’ Ħal Luqa u beda jitmexxa minn uffiċjal ċivili. Fil-gwerra bejn l-1939 u l-1945, fl-assenza tal-kap, is-Sur Ghigo kien jerfa’ r-responsabbiltà tal-uffiċju. Angelo Ghigo inħatar Meteorological Adminstrative Officer fis-6 ta’ Marzu 1957 biex ikun l-ewwel Malti f’dak il-grad li baqa’ jżomm sa ma rtira bl-età fl-1962. F’età żgħira, ġie maħtur President tas-Soċjetà Santa Marija tal-Imqabba, kariga li okkupa bejn l-1920 u l-1925.

 

F’żogħżitu studja l-mużika u d-daqq tal-orgni. Nafu li kienu jinġabru tfal fid-dar t’oħtu Assunta fi Triq il-Parroċċa u fuq l-armonju kien jgħallimhom innijiet biex jitkantaw mal-banda fuq il-palk waqt il-Purċissjoni fil-Festa ta’ Santa Marija. Serva ta’ organista fil-parroċċi tal-Imqabba, Bormla u bejn l-1931 u l-1940 fil-Furjana; fi żmien meta Mqabbi ieħor kien Mons. Angelo Ghigo D.D. kien Arċipriet.

 

Iżżewweġ lil Margerita née Buttigieg fl-1923 u kellhom ħamest itfal: Grace, Jane, Dun Manwel, Gemma u Lina. Fl-1923 l-Arċisqof Mauro Caruana appuntah għalliem tal-Ingliż u l-Ġeografija u serva fis-Seminarju Minuri bejn l-1923 – 1946 u l-1969 – 1976 u fil-Kulleġġ ta’ San Alwiġi mill-1946 – 1969. Għallem l-Ingliż lin-novizzi tal-Patrijiet Franġiskani Minuri u Franġiskani Kapuċċini.

 

Bejn l-1978 u l-1983, Angelo Ghigo kiteb għadd ta’ poeżiji li ġew ippublikati f’Ġunju tal-1983 bit-titlu ‘Il-Linfa l-Qadima’. Din kienet l-aħħar attività pubblika tiegħu għaliex nhar il-5 ta’ Diċembru 1983, il-Mulej għoġbu jgħajjatlu għall-premju mistħoqq tal-paċi fil-mistireħ. Ħabb ħafna lil Alla, il-Madonna u l-familja. Rispettat minn kull min kien jafu. Żgur li Marija Assunta mill-glorja tas-sema semgħet it-talba fil-poeżija tiegħu ‘Lil Ommi Marija’.

 

Referenzi: Programm Festa Santa Marija 1996; Angelo Ghigo 1893-1983, paġna 95 kitba tas-Sur Joseph Farrugia.