L-Istatwa ta’ Marija Assunta fuq is-Sede

 

Kienet ilha x-xewqa tal-mibki iżda qatt minsi Lorenzo Ellul li jagħmel statwa kolossali ta’ Santa Marija u jpoġġiha f’post prominenti biex tħares lil uliedha l-Imqabbin. Fil-ħsieb oriġinali tiegħu din kellha tkun tal-irħam u titpoġġa fil-pjazza. Iżda minħabba d-diffikultajiet kbar li ltaqa’ magħhom, dan il-ħsieb falla. Iżda l-ħerqa sabiex jagħmel l-istatwa ta’ Marija Mtellgħa s-Sema baqgħet dejjem tixgħel ġo fih. Intant għall-aħħar tas-sena 1951 wasal fi ftehim mas-Soċjetà, dak iż-żmien bl-isem ikun għadu King George V, fejn ingħata l-permess biex ipoġġi l-istatwa fuq il-bejt tal-każin proprju fuq il-faċċata. Is-Sur Marco Montebello ntagħżel biex jagħmel id-disinn u x-xogħol ta’ fuq l-istatwa. Intlaħaq ftehim malajr, u f’Jannar tas-sena 1952 is-Sur Lorenzo Ellul, mgħejjun mis-soċi tal-Każin Re Ġorġ V, qata’ l-ġebla tal-franka, sħiħa u hekk sabiħa, mill-barriera tiegħu stess f’Ta’ Kandja limiti tal-Imqabba. Minn hawnhekk il-benefattur ħadha għas-spejjeż tiegħu, fil-ħanut tas-Sur Montebello ħdejn iċ-ċimiterju tal-Addolorata. Skond l-istess ftehim ix-xogħol kellu jinbeda wara li ssir l-approvazzjoni tal-mudell tal-istatwa mis-Sur Ellul u l-kumitat. L-istatwa kellha tkun magħmula minn ġebla sħiħa mogħtija mill-istess benefattur, tkun ta’ madwar 9 piedi għoli u tkun lesta sa Marzu tas-sena 1952. Il-ftehim kien ikompli jgħid li l-iskultur kellu jirċievi s-somma ta’ ħamsin lira sterlina (£50) minn għand id-donatur wara li l-istatwa jtellagħha f’postha taħt id-direzzjoni tal-iskultur Montebello mingħajr ma dan jidħol fl-ispejjeż tat-tlugħ u tat-trasport.

 

Ix-xogħol mexa mgħaġġel sewwa u nhar il-Ħadd, 22 ta’ Ġunju 1952, kienet il-ġurnata li l-istatwa ta’ Santa Marija kellha tittella’ fuq il-każin. Din il-ġurnata kienet taħbat ukoll, fl-Imqabba, il-festa tal-Qalb ta’ Ġesù. Iżda d-diffikultajiet ma kinux żgħar u wara ħafna pariri, ħsibijiet u diversi suġġerimenti minn persuni tas-sengħa, il-kumitat inkariga lis-Sur Eugenio Sciberras biex jieħu ħsieb l-armar u jtella’ l-istatwa. Dan qatagħha li l-istatwa għandha tibqa’ sħiħa u titla’ minn quddiem il-każin; proċedura li kienet ta’ sogru mill-akbar. Wara li twaqqaf l-armar, sar it-tberik tal-istatwa ta’ Marija Mtellgħa s-Sema mill-Eċċ. Tiegħu Reverendissmu Mons. Emmanuel Galea, Vigarju Ġenerali, beda l-mument kritiku. Fost taqtigħ il-qalb mill-akbar, iżda wkoll fost ferħ bla qies, Lorenzo Ellul, il-kumitat tal-każin, soċi u partitarji kollha raw lil din l-istatwa tiela’ bil-mod iżda dejjem ’il fuq, sakemm waslet f’postha. Hawn saru x-xogħlijiet neċessarji biex l-istatwa tibqa’ mwaħħla għal dejjem. B’hekk din l-istatwa ta’ Sidtna Marija Mtellgħa s-Sema setgħet tħares lil uliedha devoti. U biex tfakkar din il-ġrajja hekk sabiħa, twaħħlet irħama fuq il-bieb tal-każin li taqra hekk: ‘Min igħid Salve Reġina quddiem din ix-Xbieha tal-B.V. MARIJA ASSUNTA jirbaħ 200 Jum Indulġenza. Mogħtija fis-27 ta’ Ġunju 1952 mill-Arċisqof Mikiel Gonzi.’

Statwa fuq il-kazin statwa-fuq-sede02