St. Stythians Brass Band minn Cornwall fl-Ingilterra 2007

 

Il-banda twaqqfet fl-1928 minn parruċċani ta’ St Stythians. St. Stythians fil-verità mhux villaġġ waħdieni, imma żona li tiġbor fiha hamlets u rħula tradizzjonali Cornish. Ir-raħal l-aktar importanti fiż-żona huwa Stithians, fejn il-banda hija bbażata. Flimkien ma’ madwar 40 kunċert fis-sena din il-banda tieħu sehem f’madwar 4 kompetizzjonijiet kull sena. Bħalissa l-banda tikkompeti fil-UK Brass Bands’ 2nd Section. Testimonjanza mill-membri tal-banda tgħid: “Għalina l-mużika hija passatemp. Nippruvaw inżommu dan il-passatemp interessanti billi ngħaqqduh ma’ attivitajiet soċjali bħal żjajjar fil-pubs, jew billi nżuru u ndoqqu f’pajjiżi bħal Malta u l-Ġermanja. Nippruvaw ma’ nieħdux lilna nfusna bis-serjetà u dejjem infittxu mużiċisti ġodda sabiex jingħaqdu magħna.”

 

Matul ix-xhur tas-sajf il-banda tagħti kunċerti marbuta b’tema ġewwa Falmouth, Cornwall. Dawn il-kunċerti li jsiru kull nhar ta’ Ħadd bejn Ġunju u Settembru, jinvolvu l-użu ta’ kostumi, u jistiednu l-udjenzi jieħdu sehem b’mod attiv, f’tentattiv sabiex iżommu l-atmosfera ħajja. It-temi tal-kunċerti jinkludu: għanjiet tradizzjonali; Glenn Miller; Oktoberfest; u Traditional Brass. Il-banda tkun akkumpanjata wkoll mill-ifjen gruppi mużikali ta’ Cornwall, bħal korijiet u baned ħbieb. Mistiedna oħra jinkludu preżentaturi popolari tar-radju u televiżjoni. Matul dawn l-aħħar snin kemm ilhom isiru dawn il-kunċerti, il-banda qed ikollha udjenzi li qatt qabel ma tiftakar li kien ikollha.

 

Għalkemm il-kunċerti huma l-ħobża ta’ kuljum tal-banda, St Stythians Brass Band tieħu sehem ukoll f’kompetizzjonijiet. L-għan wara dan hu sabiex il-membri jattendu aktar provi u jieħdu sfidi biex idoqqu ċertu Test Pieces. Dan kollu jgħin sabiex il-livell tal-banda jkompli jogħla. Naturalment dan ukoll jgħin sabiex il-membri tal-banda jingħaqdu aktar flimkien. Grazzi għas-suċċessi li l-banda kisbet matul is-snin, illum St Stythians Brass Band hi meqjusa bħala waħda mill-aħjar baned f’Cornwall. Madankollu l-banda tippreferi ma tkunx involuta żżejjed f’kompetizzjonijiet anke minħabba illi t-tip ta’ mużika li hemm bżonn tindaqq waqt kompetizzjonijiet simili tkun ġeneralment inqas melodjuża. Meta l-banda tikkompeti, il-membri jikkonċentraw aktar fuq id-daqq tagħhom milli fuq id-daqq tal-baned l-oħrajn. Minn hawn ħareġ il-motto tal-banda: ‘Għal min indoqqu aħna?! Għalina!’

 

Derek Johnston, li twieled ġewwa l-belt ta’ Carlisle f’Cumberland, huwa s-surmast ta’ din il-banda. Beda jistudja l-mużika ta’ ħames snin man-nannu tiegħu John li kien surmast mal-banda militari ta’ Carlisle. Aktar tard fi tfulitu mar mal-familja tiegħu joqgħod ġewwa Yorkshire u hemm hekk beda jdoqq mal-Brass Bands, l-ewwel fuq Cornet u aktar tard fuq Trombone, strument li wasslu sabiex jidħol mal-aqwa baned ġewwa Yorkshire. Wara li missieru laħaq surmast ta’ Camborne Town Band il-familja ttrasferiet ruħha lejn Cornwall. Bis-saħħa ta’ missieru Derek kompla javvanza fil-mużika sakemm fl-1992 ġie mistieden jidderieġi lis-St. Keverne Town Band, St Stythians jimmarċjaw waqt Bugle Contest biex beda l-karriera tiegħu bħala surmast. Għal ħafna okkażjonijiet Derek daqq mal-ifjen baned Ingliżi fir-Royal Albert Hall ġewwa Londra. Kien jagħmel parti mill-Camborne Town Band meta dawn rebħu l-World Music Festival ġewwa Kerkrade fl-Olanda. Fil-ħajja professjonali tiegħu Derek Johnston jidderieġi l-Baned Hayle u St. Stythians minn Cornwall, kif ukoll jaħdem bħala Recording Producer mal-kumpanija PM Sound. Jiġi msejjaħ ħafna drabi biex jagħmel parti mill-ġurija waqt kompetizzjonijiet tal-baned. Huwa wkoll għalliem tal-mużika mfittex ħafna.

 

2007ststythiansbrassband01 2007ststythiansbrassband02