Il-Banda Filarmonika ta’ Larissa mill-Greċja (2000)

 

Fis-sena 2000, fl-okkażjoni tad-90 sena tas-Soċjetà, għeluq il-50 sena mid-Domma tal-Assunzjoni u għeluq l-400 sena tal-Fratellanza tas-Sagrament, kienu żaruna żewg baned barranin, il-Banda Kiryat minn Iżrael u l-Filarmonika Larissa mill-Greċja.

 

Il-Banda Filarmonika ta’ Larissa twaqqfet fl-1952 bl-ewwel Surmast Direttur tagħha jkun G. Kamilieris li sewwasew miet waqt li kien qiegħed jidderieġi ġewwa s-sala prinċipali tal-Konservatorju fl-1963. Fl-1978, din il-banda għaddiet taħt it-tmexxija tas-Surmast Giannis Tsanakas, li minbarra l-Banda Filarmonika fforma wkoll Brass Band, li kisbet suċċessi kbar b’mod speċjali f’kunċerti flimkien ma’ solisti u tenuri famużi ġewwa Larissa u bliet oħra ġewwa l-Greċja. Wara l-1978, il-banda għaddiet taħt it-tmexxija ta’ Mro A. Prionas, Mro A. Vakalathanasiou u Mro E. Minas. Illum il-Banda Filarmonika ta’ Larissa tinsab taħt it-tmexxija ta’ Mro George Minas, u nistgħu ngħidu li l-banda ġiet mogħtija stil ġdid bl-introduzzjoni u interpretazzjoniijiet ta’ siltiet moderni, b’repertorju vast. Il-banda minn Larissa ħadet sehem f’bosta attivitajiet kulturali u festivals għall-Baned Internazzjonali fosthom: 5th Band’s Festival (Ateni), Lamaka (Ċipru), Kalamaria (Tessalonki), Cosenza (Italja), Rybnik (Polonja).

 

Il-Belt ta’ Larissa

 

Larissa hija l-belt kapitali tar-reġjun ta’ Thessalia u hija ċ-ċentru kummerċjali u industrijali. Tinsab 350 kilometru ‘l bogħod minn Ateni. L-akbar xmara ta’ Thessalia, ix-xmara Pinios tgħaddi minn nofs ta’ din il-belt u toffri xenarji uniċi għall-pajjiż tal-Greċja bħalma huma widien muntanji, bajjiet u għadajjar kbar. Skond evidenzi u riċerki minn diversi arkeoloġisti, Larissa ilha mwaqqfa sa minn għaxar millennji qabel Kristu. Xi leġġendi u tradizzjonijiet Griegi jgħidu li Hippocrates, missier il-Mediċina, miet f’din il-belt. Postijiet ta’ interess li wieħed isib f’dan ir-reġjun huma l-Kastelli Medjevali, il-Park Nazzjonali Alcazar, il-Wied ta’ Agia, il-Bajja ta’ Agiokambos u Teatri Griegi.

 

Filarmonika Larissa01 Filarmonika Larissa02