Il-Kor minn Tel-Aviv, Iżrael, Alei Gefen (2002)

 

Dan il-kor, li twaqqaf fl-1990, ġej mill-muniċipalità ta’ Jafo li jinsab fil-periferija ta’ Tel-Aviv, Iżrael. Il-fundatur tal-kor huwa Eli Gefen, ta’ nisel Lhudi miċ-Ċekoslovakkja, li għex u kellu x-xorti jiskappa mill-Holocaust tat-Tieni Gwerra Dinjija. Eli Gefen, flimkien ma’ martu Sylvia, mara ta’ nisel Lhudi minn Londra, għadu sal-lum il-ġurnata jieħu ħsieb u jidderieġi dan il-kor. Wieħed mill-għanijiet għaliex twaqqaf dan il-kor huwa sabiex ikun ta’ mezz biex immigranti Lhud, partikularment dawk provenjenti mir-Russja, isibuha aktar faċli jintegraw irwiehom ġewwa Iżrael. Illum il-ġurnata, dan il-kor, kompost minn madwar 35 membru, wasal għal għan prinċipali li jikkommetti ruħu sabiex iwassal l-ideal ta’ paċi u għaqda bejn il-ġnus. Dan billi jattira membri fi ħdanu li jkunu ġejjin mill-kulturi kollha tal-lvant nofsani, u wkoll billi jgħaqqad flimkien fir-repertorju tiegħu mużika Lhudija, Għarbija u Kristjana.

 

Matul il-ftit aktar minn għaxar snin li ilu jeżisti, dan il-kor irnexxielu jistabbilixxi ruħu sew fost l-aħjar li wieħed isib ġewwa Iżrael. Kiseb ukoll għadd ta’ suċċessi fl-isfera internazzjonali. Fost il-postijiet fejn il-Kor Alei Gefen ta wirjiet b’suċċess insibu: Covent Garden u Royal Albert Hall, Londra; Il-Katidral ta’ Notre Dame Pariġi; Israel Philarmonic Orchestra Guest House; Il-Knisja tan-Natività, Betlehem; u Jerusalem’s Tower of David. Ipparteċipa wkoll f’għadd ta’ Festivals Internazzjonali fosthom: Irlanda (Sligo International Choir Festival, 1998); Wales (Eisteddfod International, 2000); Awstrija (Graz & Vienna Choir Festivals, 2001); Repubblika Ċeka (Prague Festival, 2001); u Malta (14th International Choir Festival, 2002).

 

Iż-Żjara tal-Kor Alei Gefen ġewwa l-Imqabba

 

Il-Kor Alei Gefen żar l-Imqabba nhar il-Ħadd 10 ta’ Novembru 2002 filgħaxija, ftit sigħat biss wara li wasal Malta minn Tel-Aviv, via Ruma. Il-Kor ġie hawn Malta sabiex jipparteċipa fl-14-il Festival Internazzjonali tal-Korijiet li sar ġewwa Dar il-Mediterran f’Novembru 2002. L-ewwel impenn ġewwa l-Imqabba kienet laqgħa ta’ korteżija għand il-Kunsill Lokali. Wara kelmtejn ta’ merħba mis-Sindku s-Sur Emanuel Buttigieg, sar bdil ta’ rigali f’isem iż-żewġ naħat u wara l-kor kien mistieden għal bibita fil-bini tal-kunsill.

 

Wara din il-laqgħa qasira l-kor mexa tul Triq il-Parroċċa sal-Każin fejn wara ftit minuti ta’ warm-up, beda l-kunċert korali tiegħu li nżamm ġewwa s-sala ewlenija tal-każin, sewwasew fl-isfond tal-pittura tal-Konvoj. Il-programm kien jinkludi taħlita ta’ mużika korali li varjat minn dik reliġjuża għal dik tradizzjonali Iżraeljana. Il-kunċert beda b’żewġ għajtiet għall-paċi. It-tradizzjonali Shalom Aleichem (‘Il-Paċi Magħkom’) u Pavillion for Peace, kompożizzjoni ta’ David Grosz li ta’ min jgħid jiġi missier Eli Gefen, u li kien kiteb din is-silta ftit qabel miet ġewwa l-kamp ta’ konċentrament f’Auschwitz. Imbagħad il-kor kanta Missa Brevis (‘Little Mass’) ta’ Zednek Lukas, li ġiet segwita minn Halleluljah ta’ Levandovsky. Ma setax jonqos li l-kor imbagħad ikanta Ave Maria ta’ Rachmaninoff. Wara, il-Kor Alei Gefen kanta erba’ siltiet tradizzjonali Lhud, Jerusalem of Gold, Serenity, Eli Eli u Horah (Danza folkloristika minn Iżrael).

 

Wara saru kelmtejn tal-okkażjoni mill-Viċi President tas-Soċjetà s-Sur Antoine Sciberras, fl-assenza tal-President is-Sur Carmel Zahra li ma setax jattendi minħabba mpenji ta’ xogħol. Sar bdil ta’ rigali bejn il-Kor u s-Soċjetà u mbagħad kulħadd kien mistieden għar-riċeviment li matulu l-membri tal-kor ħadu l-opportunità jagħmlu ħbieb magħna u japprezzaw il-ġmiel artistiku tas-sala fejn kienu għadhom kif kantaw. Bħala apprezzament imbagħad membri tal-kor ħadu inizjattivi personali u qagħdu jkantaw xi mużika popolari. Hawnhekk stajna napprezzaw aktar il-ħila ta’ dawn il-kantanti, li għalkemm m’humiex professjonali, urewna kemm huma kapaċi jieħdu l-arti mużikali bis-serjetà u x’livell individwali kapaċi jilħqu.

 

Ta’ min jgħid ukoll li għal din is-serata kellna attendenza numeruża bejn numru tajjeb ta’ partitarji u għadd ta’ nies mill-Komunità Lhudija Maltija li għoġobom jattendu. Fost il-mistednin distinti ta’ min wieħed isemmi lill-Eċċ. Tiegħu Dr Abraham Borg, Ambaxxatur Malti għal Iżrael u s-Sinjura tiegħu, flimkien mas-Sindku tal-Imqabba, is-Sinjura tiegħu u rappreżentanza mill-kunsill ta’ raħalna.

 

Nieħdu l-opportunità sabiex nirringrazzjaw lis-Sinjuri Alfred Galea u Lawrence Attard Bezzina, li għamluha possibbli sabiex dan il-kor seta’ jagħmel din iż-żjara ġewwa l-każin tas-Soċjetà. Nagħlqu billi nippubblikaw messaġġ għall-okkażjoni tal-festa li l-Kor Alei Gefen għoġbu jibgħatilna.

 

Messaġġ mill-Kor Alei Gefen, Jafo-Tel Aviv, Iżrael

 

Għeżież ħbieb minn Malta,

Il-kor tagħna ser jibqa’ jiftakar, u ċertament mhux ser jinsa, il-kelmtejn ta’ merħba li għamlilna l-Wisq Rispettabbli Sindku Emanuel Buttigieg u r-rigali mprezzabbli mnaqqxin bl-isem tal-kor tagħna, li intom għoġobkom tirregalawlna mal-wasla tagħna ġewwa l-Imqabba sabiex inkantaw għad-dilettanti tal-mużika Mqabbin nhar l-10 ta’ Novembru 2002. Din kienet l-ewwel laqgħa tagħna man-nies ta’ Malta. Nistgħu ngħidu li kważi ġejna direttament mill-ajruport lejn il-Każin tas-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V. Il-pajjiż (Malta) u r-raħal tagħkom sinċerament għandhom dik ix-xi ħaġa li tiġbdek minn ħafna aspetti. Jista’ jingħad ukoll illi fid-dinja mħawda tal-lum, ftit ħafna huma l-postijiet fejn wieħed iħossu tassew fil-paċi u ferħan, hekk kif ħassejna ruħna aħna meta ġejna nkantaw fis-sala ewlenija tal-każin tagħkom. L-atmosfera ġewwa dan il-post hija waħda mill-isbaħ li stajna niġu offruti biex inkantaw fiha. Mhux biss minħabba l-pitturi impressjonanti li wieħed isib fis-sala, iżda aktar u aktar minħabba l-merħba sabiħa li aħna rċevejna mingħandkom, u l-ħbiberija miftuħa u l-entużjażmu tal-udjenza li ġiet tismagħna ġewwa l-Imqabba. Għalina dawn il-kwalitajiet umani kienu ta’ importanza kbira. Tant hu hekk illi rritornajna lura d-dar kburin li ġejna milqugħin tant tajjeb, u mal-ewwel okkażjoni tkellimna u rrakkontajna l-esperjenza tagħna fl-Imqabba mas-Sindku u l-Kunsill Muniċipali ta’ Tel-Aviv. Nitolbukom ukoll tippermettulna nikkummentaw rigward ir-relazzjonijiet speċjali tagħna mal-Pulizija ta’ Malta li ħadu ħsiebna b’kura u attenzjoni kbira mill-mument li wasalna Malta, sa meta tlaqna lura. Il-Pulizija kienu anke magħna waqt li kantajna ġewwa l-Imqabba.

 

Għalhekk, Sur Galea, nitolbuk taċċetta r-ringrazzjamenti tagħna għall-privileġġ li offrejtulna u għall-ħidma kbira tiegħek u tal-kollegi tiegħek sabiex torganizzawlna l-kunċert ġewwa l-każin tagħkom. Aħna lkoll nisperaw u nixtiequ li dan kollu jerġa jiġri fil-futur!

 

Nibagħtu l-isbaħ xewqat ta’ saħħa u prosperità lis-Sindku u Kunsill tal-Imqabba, kif ukoll lill-Kumitat u membri tas-Soċjetà Santa Marija u l-Banda Re Ġorġ V.

 

Sylvia u Eli Gefen, u l-Kor Alei Gefen, Tel-Aviv.

 

Kor Telaviv Izrael 2 Kor Telaviv Izrael 1