ACLI – Associazione Cristiana Lavoratori Italiani 2005/2006

 

Fil-festa tas-sena 2005 lqajna fostna grupp ta’ żgħażagħ li jagħmlu parti mill-assoċjazzjoni ACLI ta’ Cirò, fejn tul ġimgħa mimlija b’attivitajiet kulturali u ta’ tagħlim b’mod informali nistgħu ngħidu li nibtet familja waħda żagħżugħa fi spirtu ta’ ferħ u briju. Familja ta’ żgħażagħ minn żewġ kulturi differenti, li bdew iħaddnu għaqda li kienet mibnija fuq intiża kompleta bejn gruppi ta’ żgħażagħ li ġejjin minn ambjent totalment differenti. Kulħadd seta’ jara kemm dawn iż-żgħażagħ Taljani daħlu fl-atmosfera ferriħija tal-festa fejn ħadu sehem daqs li kieku kienu jagħmlu parti minn dan ir-raħal. Din hija l-konferma li dan il-proġett kien suċċess kbir u ħalla l-frott mixtieq. Ġimgħa indimentikabbli li rat grupp ta’ żgħażagħ Imqabbin u Cirotani jieħdu sehem f’attivitajiet kulturali fir-raħal tal-Imqabba, fil-Belt Valletta u fl-Imdina, fejn żorna siti storiċi u tkellimna kontinwament dwar it-twemmin u l-kultura Maltija u d-diversità bejn iż-żewġ kulturi. Dan wassal sabiex jinħoloq grupp magħqud ta’ żgħażagħ li jaċċettaw lil xulxin bħala persuni u mhux għal dak li jemmnu u jħaddnu.

 

Mill-istess ġurnata li dawn iż-żgħażagħ mir-raħal pittoresk ta’ Cirò fir-reġjun tal-Calabria telqu lura lejn pajjiżhom, bdejna naħsbu immedjatament kif ser nirreċiprokaw iż-żjara tagħhom f’pajjiżna, fejn f’dawk il-ftit jiem kienu messew b’idejhom u ħadnu t-tradizzjonijiet tagħna u l-kultura tant kbira li għandna aħna l-Maltin. Ix-xogħol beda minnufih u bl-għajnuna ta’ Marija Assunta l-proġett tagħna ġie approvat u għalhekk issa kien imiss lill-grupp ta’ żgħażagħ mis-Sezzjoni Żgħażagħ Santa Marija sabiex jibdew jippreparaw għall-attivitajiet ġewwa Cirò u Cirò Marina. Għalhekk bejn l-10 u s-17 ta’ Lulju, ftit jiem qabel ma tibda l-festa wisq għażiża għalina tal-Assunta kien imiss liż-żgħażagħ tagħna jesperjenzaw kultura u tradizzjonijiet differenti għalina. Flimkien ma’ Roberto Paletta, il-President tal-ACLI, Cirò, ġie mħejji programm varjat fejn minbarra numru ta’ workshops, diskussjonijiet u animazzjonijiet, fejn iż-żgħażagħ jitgħallmu b’mod informali kellna numru ta’ eskursjonijiet.

 

Fost dawn kien hemm viżta ġewwa diversi azjendi li jipproduċu prodotti tipiċi, viżta ta’ Cirò fejn sirna nafu aktar dwar dan il-villaġġ u l-istorja tiegħu, eskursjoni naturalistika fil-muntanja Sila, viżta ġewwa l-Kastell Aragoniż ta’ La Castella u ċelebrazzjoni tradizzjonali ġewwa r-raħal ta’ Cirò. Sabiex inħejju dan l-iskambju b’mod effettiv is-Segretarju Nicholas Baldacchino tas-Sezzjoni Żgħażagħ Santa Marija flimkien ma’ Carlo Sciberras, President tas-Sezzjoni Żgħażagħ Santa Marija, għamlu viżta preliminari ġewwa Cirò fejn kellhom il-possibiltà li jaraw il-faċilitajiet li kienu ser jintużaw miż-żgħażagħ tagħna, żaru numru ta’ postijiet fosthom Cirò u Cirò Marina u ppreparaw dak kollu meħtieġ sabiex il-proġett tagħna jkun suċċess. F’din il-btala qasira ġejna milqugħa ferm tajjeb mill-ħbieb tagħna li ħadu ħsiebna bl-aqwa mod, fejn laqqgħuna wkoll ma’ numru ta’ rappreżentanti ta’ għaqdiet oħra ġewwa Cirò u ċ-ċittadini tal-villaġġ li kienu tant familjari magħna. Għalhekk, hekk kif il-preparamenti kollha meħtieġa kienu waslu fil-konklużjoni tagħhom ma kien jonqos xejn ħlief li dan il-proġett ġewwa Cirò jkun suċċess kbir bħal dak li sar ġewwa raħalna, bejn it-12 u l-20 ta’ Awwissu.

 

B’dan il-proġett għalaqna l-iskambju kulturali bejn iż-żewġ għaqdiet taż-żgħażagħ rispettivi li kien l-ewwel wieħed ta’ dan it-tip li sar minn żgħażagħ Imqabbin. Ma nistax ma nirringrazzjax minn qalbi lil sħabi tal-kumitat li dejjem taw appoġġ sħiħ fil-ħidma tiegħi fuq dan il-proġett, lil Roberto Paletta u sħabu tal-ACLI li bqajna nżommu kuntatt u naħdmu sabiex dan l-iskambju seħħ, liż-żgħażagħ li ħadu sehem fil-proġett f’Malta u dawk kollha li f’dik is-sena ġew magħna ġewwa l-Italja. Grazzi kbira wkoll tmur lill-Kumitat Eżekuttiv u l-partitarji li taw l-appoġġ sħiħ tagħhom u ospitaw il-grupp bl-aktar mod tajjeb, lill-Kunsill Lokali u lill-Imqabbin kollha li kienu parti integrali ta’ din l-istorja ta’ suċċess. L-aħħar u mhux l-inqas nirringrazzja lil Janette Busuttil u lil Jeremy Piscopo li jieħdu ħsieb il-Programm Youth tal-Unjoni Ewropea, tal-interess u l-kooperazzjoni dejjiema tagħhom u lill-Onorevoli Dr Louis Galea, dak iż-żmien Ministru tal-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi, tal-appoġġ kollu.

 

2005_0703Weekend1st_3rdJuly050024small 2005_0703Weekend1st_3rdJuly050046small 2005_0814Image0015 Lejlieta 14082005 157 DSC01932 5 Skambju Kulturali 10-17072006 079 Skambju Kulturali 10-17072006 080 Skambju Kulturali 10-17072006 082 Skambju Kulturali 10-17072006 231 Skambju Kulturali 10-17072006 245 Skambju Kulturali 10-17072006 249 Skambju Kulturali 10-17072006 349 Skambju Kulturali 10-17072006 509 Skambju Kulturali 10-17072006 531 Skambju Kulturali 10-17072006 648 Skambju Kulturali 10-17072006 664 Skambju Kulturali 10-17072006 697 Skambju Kulturali 10-17072006 728 Skambju Kulturali 10-17072006 749