Mro Joseph Tonna

Mro Joseph Tonna twieled fl-Imqabba fis-16 ta’ Frar 1929. Mro Joseph Tonna beda jistudja l-mużika sa mill-età ta’ 16-il sena ġewwa ll-każin tal-Banda Lily taħt Mro Joseph Darmanin A. Mus. L.C.M. li għallmu jdoqq diversi strumenti. Mro Joseph Tonna jibqa’ magħruf ukoll bħala mużikant tajjeb ħafna fuq il-‘Bass in E flat’. Matul il-karriera tiegħu hu rnexxielu jikseb ċertifikati minn diversi kulleġġi wara li ħa lezzjonijiet fil-kompożizzjoni tal-mużika u wieħed mis-suċċessi tiegħu kien meta fl-1962 ġie t-tielet fil-kompetizzjoni internazzjonali li saret f’Londra għall-mużika tal-accordion.

 

Mro Joseph Tonna għandu ħafna kompożizzjonijiet sbieħ, bħalma huma għadd ta’ mazurki, beguines, waltzes, polkas, funeral marches, sambas, Hymn for the Stage, Vexxilla għall-orgni, għadd ta’ kanzunetti u numru ta’ marċi militari, Fuga in La bemolle, Fuga in Sol għal pjanu, Round for voices Soprano, Contralto and Tenor, Overture in F minor (Il Mondo), Serenade for Orchestra, Marci Passo Doble ‘Maria’, Silvana, u Morning Star, Missa Grande a Tre Voci, Tenore A, Tenore B e Basso con Organo, u aktar. Mro Joseph Tonna ġie elett Associate Member of the Performing Right Society fil-11 ta’ Lulju 1963 wara li ħa xi lezzjonijiet għand Mro Abela A. Mus. L.C.M., L.R.S.M.

 

Barra milli kkwalifika fil-London College of Music, Mro Joseph Tonna kkwalifika wkoll fi tliet kolleġġi oħra li huma I-British College of Accordionists, ir-Royal School of Music u fit-Trinity College of Music u minn dawn il-kulleġġi ħa ċ-ċertifikati finali b’distinzjoni. Mro Joseph Tonna huwa magħruf ħafna wkoll għan-numru kbir ta’ mużiċisti tajbin li ħarġu minn taħt idejh.

 

Mro Joseph Tonna studja taħt Geofrey Sayers B. Mus. (Dunelm), F.R.C.O. A.R.C.M., Hon. F.L.C.M. bil-korrispondenza, ħa lezzjonijiet mingħand il-magħruf Surmast Carmelo Pace F.L.C.M., L.R.S.M., O.S.J. u wara kkwalifika għall-A. Mus. L.C.M.

 

Is-Surmast Joseph Tonna huwa ex-Surmast Direttur tal-Banda Lily li kienet ġiet fdata f’idejh minn Marzu ta’ 1980 sa 1988. Mro Joseph Tonna huwa wkoll ex-Surmast, għalliem u Direttur tal-Banda Santa Marija tal-Qrendi, mill-1979 sa l-1983.

 

Ad Multos Annos