Mikielang Sapiano

 

Mikielanġ SapianoMikielang Sapiano twieled l-Imqabba fid-19 ta’ Marzu 1826, iben Baskal u Tereza Agius. L-ismijiet li ngħata fil-magħmudija kienu: Mikielang, Guzeppi u Stiefnu. Fit-12 ta’ Ottubru 1847 iżżewweġ lil Mikelina Mifsud, xebba minn Ħal Luqa, u mar joqgħod fl-istess raħal. Fl-1857, wara li kienet mietet Mikelina, Mikielang iżżewweġ lil oħtha Marjanna.

 

Fi tfulitu kien imur jitgħallem is-sengħa ta’ mastrudaxxa għand Guzeppi Bugeja fis-Siġġiewi, l-aktar fejn jidħlu l-għodod tal-biedja. Meta kien ikun is-Siġġiewi waqt il-ħin tal-mistrieħ kien imur jara lill-arluġġar Kalcidon Pisani u minn hemmhekk beda jinġibed lejn din is-sengħa. Hu telaq it-tagħlim ta’ mastrudaxxa u beda jmur il-Marsa għand Gan Anton Tanti li kien ħaddied, funditur u arluġġar. Ta’ erbatax-il sena fetaħ ħanut għat-tiswija tal-arloġġi ġewwa raħal twelidu, l-Imqabba.

 

L-arloġġ tal-knisja tal-Imqabba li kien inħadem minn Gan Anton Tanti tqiegħed fil-kampnar fl-1758 u l-knisja kienet ħallset għalih is-somma ta’ SC 174-3-. Wara ħafna żmien dan ġratlu l-ħsara u kienu ħafna arluġġara li ppruvaw isewwuh iżda ħadd ma rnexxielu. Imbagħad ġie avviċinat Mikielang sabiex isewwih u dan kien li rnexxielu jirranġah. Għal dan il-knisja ħallset is-somma ta’ SC 200 għall-ispejjeż għax Mikielang ma ried xejn ta’ jdejh. Minn hemm ’il quddiem Mikielang ħa l-fama ta’ arluġġar prim.

 

Hu ma baqax biss jirranġa l-arloġġi iżda beda wkoll jibni l-arloġġi hu stess. L-ewwel arloġġ li ħadem kien għall-knisja tal-Gudja fl-1860, fl-1862 għall-knisja ta’ Ħal Kirkop, fl-1872 ta’ Ħ’Attard u fl-1873 dak tal-Kalkara u arloġġ għax-Xatt tal-Marsa. Fl-1875 hu ħadem tliet arloġġi oħra: dawk ta’ Stella Maris f’Tas-Sliema, tal-Mellieħa u x-Xewkija. Fl-1877 ħadem l-arloġġ għaċ-Ċimiterju tal-Addolorata, ieħor għan-Nadur u ieħor għal Ta’ Sannat.

 

Imbagħad fl-1878 ħadem dak għall knisja ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi u ta’ San Pawl f’Birkirkara, u fl-1881 ħadem ta’ Ħal Luqa u sena wara ta’ Ħaż-Żebbuġ. Fl-1888 ħadem l-arloġġ għall-knisja ta’ Santa Katerina ta’ Lixandra, fl-1889 dak tal-Mosta, fl-1893 ta’ Bormla u fl-1894 tas-Siġġiewi. Fl-1894 Mikielang ġie mqabbad ukoll mill-Gvernatur sabiex jirranġa l-arloġġ tal-Palazz tal-Belt minħabba li kien idejqu jdoqq matul il-lejl għax ma kienx iħallih jorqod. Sapiano sab mezz kif jikkuntenta lill-Gvernatur, b’tali mod li bejn it-tmienja ta’ filgħaxija u s-sitta ta’ filgħodu dan ma kienx idoqq. Żewġ arloġġi li Mikielang jibqa’ jissemma għalihom huma dawk tal-knisja ta’ Santa Katerina ta’ Lixandra fl-Eġittu li għaliha ħadem arloġġ b’mekkaniżmu li kien iħaddem erba’ kwadranti u fl-istess ħin iħaddem arloġġ fis-sagristija li kien sebgħin pied ’il bogħod, u l-arloġġ li kien ħadem għax-Xatt tal-Marsa. Li kien jagħmel dan l-arloġġ speċjali kien li minbarra li jdoqq il-ħin regolari, kien ukoll idoqq erba’ darbiet kuljum fil-ħin li jibdew u jispiċċaw il-ħaddiema tax-Xatt. Ħaġa interessanti kienet li ma kienx idoqq nhar ta’ Ħadd meta l-ħaddiema ma kinux ikunu xogħol. Mikielang ingħata diversi rikonoxximenti fosthom ċertifikat u midalja mis-Soċjetà tal-Arti, Manifattura u Kummerċ għall-arloġġ tal-idejn li kien ħadem fl-1857. Dan l-arloġġ ingħata bħala rigal lid-Duka ta’ Clarence. Fl-1908 l-istess Soċjetà onoratu bl-ogħla unur tagħha permezz ta’ midalja tad-deheb għall-kapaċità li wera f’xogħlu.

 

Mikielang ma kienx biss arluġġar iżda kien meqjus ukoll bħala ġenju tal-inġinerija. Meta kien għadu ġuvni, kien bena rota biex imur iżur lill-għarusa tiegħu li kienet toqgħod Ħal Luqa. Mikielang kien ivvinta din ir-rota hu stess madwar erbgħin sena qabel daħlu r-roti hawn Malta. Din ir-rota kellha żewġ roti fuq wara u waħda kbira fuq quddiem, u r-roti kienu mqabbdin ma’ xulxin permezz tal-lastiku. In-nies saħansitra xħin kienu jarawh kienu jużaw l-espressjoni: “Ara ġej tal-lastiku!”

 

Jingħad li kien ivvinta żveljarin għat-tfal tiegħu, li flok idoqq kien jixgħel fjamma li kienet tqabbad xemgħa sabiex iqumu xħin jaraw id-dawl. Kien ukoll ivvinta sodda li xħin isir il-ħin biex iqumu filgħodu kienet tiċċaqlaq u wara ftit ħin kienet tinqaleb minn pożizzjoni vertikali għal orizzontali, sabiex jekk dak li jkun jibqa’ rieqed is-sodda taqilbu b’mod awtomatiku.

 

Hu ħadem ukoll miżien għad-dwana ta’ Malta, li kien jiżen kemm toqol kbir kif ukoll toqol mill-aktar ħafif, saħansitra t-toqol ta’ qamħa. Id-disinn ta’ dan il-miżien sar mill-Konslu tad-Deheb, is-Sur Naudi.

 

Wara li dan id-disinn ġie studjat bir-reqqa mill-kap tad-dwana, is-Sur Inglott, l-istess disinn intbagħat lil Sir Penrose Julian biex jinħadem fl-Ingilterra. Iżda ġara li d-disinn kien reġa’ nġab lura Malta għax qatgħu qalbhom li jsir kif xtaq is-Sur Naudi u għalhekk ma nstabitx persuna fl-Ingilterra li tieħu r-responsabbiltà li taħdem dan il-miżien hekk kbir iżda li jkun daqshekk preċiż fl-istess ħin.

 

Il-Professur Tagliaferro li dak iż-żmien kien jgħallem il-mekkanika fil-Liċeo ta’ Malta rrakkomandawlu li jiġi avviċinat Mikielanġ sabiex jaħdem dan il-miżien. Sapiano daħal għal din il-biċċa xogħol bl-għajnuna tat-tifel tiegħu u l-miżien kien lest fi żmien sitt xhur. Hu saħansitra kellu anke jaħdem għodod ġodda apposta biex seta’ jħaddem dan il-miżien daqshekk preċiż.

 

Meta Sir Penrose Julian ġie Malta bħala Kummissarju tar-Reġina u ra dan il-miżien jaħdem ikkummenta hekk: “Dak li ma sarx l-Ingilterra, sar ġewwa Malta.” Sapiano għex il-kumplament ta’ ħajtu f’Ħal Luqa fejn miet fl-għomor ta’ 82 sena fit-2 ta’ Diċembru 1912. Hu ndifen fil-korsija tal-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Luqa, maġenb il-pilastru maġġur tan-naħa tal-epistola. Jibqa’ mfakkar mhux biss għall-arloġġi li ħadem, kemm arloġġi kbar, grandfather clocks u arloġġi tal-idejn, iżda wkoll għal dak kollu li għandu x’jaqsam mal-mekkanika. M’hemmx dubju li Mikielang huwa l-aktar arluġġar famuż li qatt kien hawn Malta. Mhux ta’ b’xejn hu magħruf bħala l-Ġenju Malti tal-Mekkanika. F’raħal twelidu l-Imqabba kien sarlu mafkar ġewwa l-ġnien li jinsab fit-triq imsemmija għalih.

 

Referenzi: Mill-ktieb Deskrizzjoni Storika tal-Knisja Parrokkjali tal-Imqabba miktub mis-Saċerdot Dun Lawrenz Zammit fl-1927, p. 20. La Fenice 11.6.1875 Leħen is-Sewwa 10.12.1952. Guzè Dimech Debono, Mikielang Sapiano fil-Pronostiku Malti 1949, pp. 78-85. Mill-ktieb ta’ Satariano G. p. 449. Mill-ktieb ta’ Carmel Vassallo pp. 126-127. Kif ukoll ringrazzjament lin-Nutar Pubbliku Dr. Joseph Sapiano LL.D., B.A.

 

Arlogg Mikielang Sapiano