Patri Karm Zammit

 

patrikarmzammit-1Patri Karm Zammit O.P. iben il-mejtin Innocenzu u Karmela xebba Barbara; mwieled l-Imqabba nhar it-12 ta’ Awwissu 1927 u mgħammed l-għada, 13 ta’ Awwissu minn Dun Pacifiku Mifsud, fejn tawh l-isem ta’ Guzeppi, Angelo u Antonio. Beda t-tagħlim tiegħu fl-iskola Primarja tal-Imqabba u dawk sekondarji fis-Seminarju tal-Arċisqof fil-Furjana. Imħajjar mill-kappillan ta’ dak iż-żmien, il-Wisq Reverendu Dun Lawrenz Spiteri biex jidħol abbati, aċċetta din it-talba u ta’ età żgħira beda jagħti dan is-servizz fil-Knisja Parrokkjali tar-Rabat, li ta’ kuljum kien jgħin l-ewwel quddiesa li kienet tkun fil-5:00am kif ukoll jieħu sehem fis-servizzi kollha li kien ikun hemm fil-parroċċa.

 

Bħala żagħżugħ ta’ 14-il sena, kien jgħin ħafna meta l-Knisja Parrokkjali ġiet imġarrfa fid-9 ta’ April 1942 bil-bombi tal-gwerra. Fost l-għajnuniet li ta, ta’ min isemmi li kien strumentali biex seta’ jiġi salvat is-Sagrament. Dan għaliex kien hu personalment li talab lill-kappillan biex ineħħi s-Sagrament mill-artal maġġur u jqiegħdu f’post aktar kenni u fi żgur. Dan sar għal ħabta tat-8:00am u fl-istess jum, fis-1:00pm, bomba ġarrfet il-knisja. Fl-14 ta’ Lulju 1942, spiċċa l-eżamijiet tal-ewwel sena fis-Seminarju. Fil-15 ta’ Lulju 1942 ħadu lil għażiża ommu fl-isptar tal-maternità (dak iż-żmien kien fejn illum insibu l-Istitut ta’ Cini f’Santa Venera). L-għada, nhar is-16 ta’ Lulju 1942, wara nofsinhar, għal ħabta tal-4:00pm, pulizija mar jagħtihom l-aħbar li ommhom tinsab ħażin ħafna. Mingħajr ebda telf ta’ żmien, Patri Karm u missieru telqu jiġru lejn l-isptar, u meta waslu mill-ewwel għarrfuhom li l-mara kienet mietet. F’xena ta’ qsim il-qalb, kemm Patri Karm kif ukoll missieru ntilfu f’ħass ħażin u sabu ruħhom imdawrin minn ħafna infermiera. Kienu żminijiet koroh ħafna tal-gwerra, u Patri Karm, il-kbir fost ħutu, kellu jibda jieħu ħsieb il-familja għaliex missieru kien joħroġ kmieni għax-xogħol u jidħol tard filgħaxija peress li dan kien jaħdem fix-xelters.

 

Fit-3 ta’ Ottubru 1947 ħalla raħal twelidu biex ingħaqad mal-Komunità Dumnikana fil-kunvent tal-Madonna tal-Għar fir-Rabat fejn wara għaxart ijiem ta’ rtir, fit-12 ta’ Ottubru ħa l-libsa bajda u sewda ta’ San Duminku minn idejn il-Wisq Reverendu Patri Guzepp Marija Xuereb O.P. Vigarju Provinċjali. F’din l-istess ċerimonja tawh l-isem ta’ Fra Karm u b’hekk beda s-sena tal-prova fin-novizzjat.

 

Wara s-sena tan-novizzjat, il-Ħadd 31 ta’ Ottubru 1948, għamel il-Professjoni Sempliċi fejn wiegħed li jgħix il-voti tal-Ubbidjenza, Kastità u Faqar għal tliet snin, quddiem il-preżenza tal-Wisq Reverendu Provinċjal Guzepp Gauci O.P.. Beda l-istudji tiegħu fil-filosofija u t-teoloġija fil-Kulleġġ ta’ San Tumas D’Akwinu fir-Rabat. Fl-1 ta’ Novembru tas-sena 1951, fil-preżenza tal-Wisq Reverendu Patri Guzepp Marija Xuereb O.P. li kien il-Vigarju Provinċjal, għamel il-Professjoni Solenni fejn reġa’ wiegħed lil Alla l-istess tliet voti għal ħajtu kollha.

 

Fl-20 ta’ Diċembru 1952, ġie ordnat Djaknu mill-Eċċellenza Tiegħu Reverendissma Monsinjur Mikiel Gonzi fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann ġewwa l-Belt Valletta. Fid-19 ta’ Settembru 1953, ġie ordnat Saċerdot mill-Eċċellenza Reveredissma Monsinjur Emmanuel Galea fil-Katidral tal-Imdina. Patri Karm qaddes l-ewwel Quddiesa Solenni tiegħu fil-Knisja tal-Madonna tal-Għar fir-Rabat, nhar il-Ħadd 4 ta’ Ottubru 1953, megħjun minn ħutu l-Patrijiet Dumnikani, familjari, qrabatu u ħbieb. Wara li ġie ordnat Saċerdot, kompla l-istudji teoloġiċi tiegħu u fl-istess żmien ġie maħtur assistent sagristan maġġur biex jgħin lil Patri Ambrog Darmanin li kien qed jirsisti ħafna biex jerġa’ jagħti spinta u jqajjem id-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Għar. Fit-3 ta’ Ottubru 1955, Patri Karm ġie assenjat mill-Provinċjal W.R. Fr. E. Klimeck O.P. biex iħalli l-Kunvent tal-Madonna tal-Għar, fir-Rabat u jmur fil-Kunvent ta’ Portu Salvu, il-Belt Valletta, u nominat bħala Viċi-Kappillan fil-Parroċċa tal-istess Portu Salvu li dak iż-żmien kienet ħafna akbar milli hi llum. Hu dejjem qeda dan id-dmir mill-aħjar. Kien ukoll nominat assistent prokuratur tal-kunvent.

 

Fil-25 ta’ Awwissu 1960, permezz ta’ assenjazzjoni mogħtija mill-W.R. Prof. Serafin Zarb O.P. reġa’ ntbagħat lura mill-kunvent ta’ Portu Salvu għall-kunvent tal-Madonna tal-Għar, fir-Rabat, sabiex jaqdi d-dmir ta’ Sagristan Maġġur, fejn ħadem ħafna u rsista biex ikompli x-xogħol fil-knisja u jkompli jxerred id-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Għar. Fil-10 ta’ Mejju 1962, il-W.R. Provinċjal Patri Serafin Zarb O.P. assenjah għal ftit taż-żmien fil-kunvent tal-Madonna ta’ Fatima fi Gwardamangia biex ikun aktar viċin tal-kulleġġ ta’ San Albert billi kien inħatar għalliem.

 

Fil-31 ta’ Mejju 1963, għal darb’oħra, l-istess Provinċjal il-W.R. Patri Serafin Zarb O.P., assenjah fil-kunvent ta’ Ġesù Nazzarenu ġewwa Tas-Sliema, biex ikompli d-dmir tiegħu ta’ għalliem u fl-istess ħin jieħu ħsieb li jibda x-xogħol tas-Sala De Porres. Wara ftit taż-żmien, dan ix-xogħol beda u b’hekk is-sala ta’ De Porres reġgħet fetħet mill-ġdid. Dam fil-kunvent ta’ Ġesù Nazzarenu sad-29 ta’ April 1979, meta minħabba ċertu raġunijiet u diffikultajiet personali kellu jħalli l-ħajja konventwali u jmur jgħix għal ftit żmien ma’ oħtu Gorga fil-Parroċċa ta’ San Bastjan f’Ħal Qormi. Wara ftit, Patri Karm iddeċieda li jerġa’ jmur joqgħod fir-raħal twelidu tal-Imqabba, fejn ġie mitlub mill-W.R. Kappillan ta’ dak iż-żmien, Dun Emmanuel Vella, sabiex jgħinu fix-xogħol pastorali ġewwa l-Parroċċa minħabba li kien hawn nuqqas ta’ saċerdoti. Beda dan ix-xogħol pastorali fil-21 ta’ Settembru.

 

Patri Karm, lura f’pajjiżu, ġie milqugħ tajjeb ferm u b’imħabba kbira. Kienu ħafna li apprezzaw il-ħidma pastorali u ġeneruża tiegħu. Patri Karm dejjem fittex li jaqdi sa fejn jista’ lil kulħadd, b’mod speċjali lill-morda, li ta’ kull ġimgħa jmur iżurhom u jqarbinhom. Għamel żmien jaqdi l-parruċċani mill-Uffiċju Parrokkjali meta l-kappillan kien ikun barra mill-Parroċċa. Dan ix-xogħol għadu jagħmlu sal-ġurnata tal-lum.

 

F’Settembru 2013, Patri Karm iċċelebra għeluq is-sittin sena bħala Saċerdot. Jalla l-Mulej Ġesù u l-Madonna jkomplu jħarsu lil dan il-qaddej t’Alla fil-ħidma pastorali tiegħu fostna l-Imqabbin.

 

Ad Multos Annos