Dun Trevor Fairclough

 

duntrevorfaircloughDun Trevor Fairclough serva bħala kappillan fil-Parroċċa ta’ Ħad-Dingli bejn is-sena 1994 u 2002. Fis-sena 2008 beda joffri l-għajnuna tiegħu fil-Parroċċa tal-Imqabba wara li nħass in-nuqqas kbir tal-kleru. Fil-fatt sa dak iż-żmien il-kleru kien jifforma biss mill-Kappillan Dun Nazzaren Caruana u Patri Karm Zammit OP.

 

Barra l-Imqabba, Dun Trevor huwa s-saċerdot residenti fil-Parroċċa tal-Gudja kif ukoll jaħdem ġewwa d-Dar tal-Providenza mal-persuni b’disabilità. Nhar il-5 ta’ Lulju 2012, Dun Trevor Fairclough, ko-ordinatur ta’ ‘SPRED’ (żvilupp Reliġjuż Speċjali) li jagħmel parti mid-Dar tal-Providenza, attenda konferenza internazzjonali li saret f’Larne, fl-Irlanda ta’ Fuq. It-tema uffiċjali tal-konferenza, li ssir kull tliet snin, hija dejjem “Project Peer Support”. Saċerdoti, reliġjużi u lajċi djoċesani, li l-vokazzjoni tagħhom hija li jaħdmu ma’ persuni b’diżabilità intelletwali, iltaqgħu flimkien biex jirriflettu fuq l-esperjenzi personali fl-ambjenti tagħhom biex iġeddu l-impenn spiritwali tagħhom. Tnejn u ħamsin parteċipant mill-Istati Uniti, l-Awstralja, il-Messiku, l-Afrika t’Isfel, l-Iskozja, l-Irlanda ta’ Fuq u ta’ Isfel u Malta nġabru fid-Dar tal-Irtiri ta’ Drumalis f’Larne, biex jiddiskutu sistemi aħjar ta’ servizzi mill-aqwa għal persuni b’diżabilità, sistemi ta’ sapport kontinwu kif ukoll biex jitgħallmu mill-esperjenzi ta’ xulxin. Fis-sena 2012, id-delegati ffokaw l-aktar fuq “il-bini tat-tqanqil liturġiku tagħhom”.

 

Is-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V tal-Imqabba tirringrazzja lil Dun Trevor għall-għajnuna kbira tiegħu b’risq l-Imqabbin, u tawguralu fil-ħidma pastorali tiegħu.

 

Ad multos Annos