Dun Karm Ghigo

 

dunkarmghigo-1Dun Karm Ghigo twieled nhar l-10 ta’ Novembru 1935 ġewwa l-Imqabba. Missieru kien jismu Guzeppi Ghigo u ommu Gulja mwielda xebba Mallia. Dun Karm kien ir-raba’ wild fost sitt aħwa; Guzeppi, Karmena (li mietet ta’ sentejn), Nikola, Toninu u Gilardu. Dawn it-tnejn tal-aħħar mietu meta kienu għadhom trabi. Wara li rċieva l-ewwel edukazzjoni tiegħu ġewwa l-iskola tal-Imqabba, kompla jistudja fis-Seminarju Minuri. Aktar tard kompla l-istudji tiegħu fis-Seminarju Maġġuri fejn ipprepara ruħu sabiex iwettaq is-sejħa li għamillu Alla. Fis-sena li daħal is-Seminarju Maġġuri u kellu jibda jistudja l-filosofija ġara li dan il-kors ma sarx fl-Università ta’ Malta, u allura Dun Karm għażel li jmur jgħallem ġewwa l-iskola tal-Imqabba sakemm jibda dan il-kors, fejn fil-fatt dam jgħallem sentejn.

 

Dun Karm kien anke jgħallem lil xi tfal wara l-iskola billi kien jagħti privat individwali. Fost dawn it-tfal insibu lil Onorevoli l-Avukat Louis Galea li kien l-ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti fil-Parlament Malti. Sakemm kien qed jistudja għall-saċerdot, Dun Karm kien inkarigat mill-biblijoteka tas-Seminarju.

 

Wara disgħa u għoxrin sena li l-parroċċa tagħna kienet nieqsa minn xi vokazzjoni saċerdotali, nhar is-Sibt 3 ta’ April 1965, fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann ġewwa l-Belt Valletta, insibu li żewġ Imqabbin ġew ikkonsagrati bħala qassisin minn fost 21 saċerdot, 9 djoċesani u 12-il reliġjuż. Dawn kienu Dun Karm Ghigo u Dun Joe Bugeja. Il-quddiesa solenni tagħhom saret fil-Knisja Parrokkjali tal-Imqabba taħt il-Patroċinju ta’ Santa Marija nhar il-Ħadd 1 ta’ Awwissu 1965 fil-każ ta’ Dun Karm Ghigo, u ġimgħa wara, sewwa sew nhar il-Ħadd 8 ta’ Awwissu 1965 saret il-quddiesa solenni ta’ Dun Joe Bugeja. It-tranżulazzjoni ta’ dik is-sena fil-festa ta’ Santa Marija kienet imbagħad immexxija mill-istess Dun Karm Ghigo.

 

L-Imqabbin kienu ħarġu bi ħġarhom biex jaraw lil dawn il-qassisin u mal-pilastri taz-zuntier tal-knisja nkitbu l-kliem ‘Nifirħu bis-Saċerdoti Novelli’. Dun Karm Ghigo għall-ewwel beda jaħdem ġewwa l-Kurja tal-Arċisqof u aktar tard kompla l-missjoni tiegħu fil-Parroċċa tal-Imqabba. Aktar tard Dun Karm beda jaħdem bħala skrivan mal-bank ta’ San Ġużepp kif kien magħruf dak iż-żmien, illum APS Bank. Ir-residenza tiegħu kienet propju fil-pjazza tar-raħal eżattament faċċata tal-Knisja Parrokkjali. Dun Karm kien qassis eżemplari, dejjem liebes dik is-suttana sewda u bil-kappell. Kien iħobb jieqaf jitkellem ma’ kulħadd speċjalment mat-tfal li kien jieħu gost jirrakkuntalhom xi ġrajja tal-passat. L-hena tiegħu kienet li wara l-quddiesa joqgħod jistaqsi, speċjalment lill-abbatini, fuq x’hiex kien l-Evanġelju u fuq min kien il-qaddis ta’ dik il-ġurnata, biex jara jekk kinux ikunu attenti waqt il-quddiesa. Ma kienx jinsa lil dawk l-anzjani li kien imur regolarment fid-djar tagħhom joffrilhom dawk il-kelmiet ta’ faraġ filwaqt li jqarbinhom. Bħala wieħed mill-passatempi ta’ Dun Karm insibu li kien iħobb jgħamel il-pasturi tal-ġibs għall-presepji tal-Milied u kien ukoll iħobb ħafna l-futbol. It-tim favorit tiegħu kien dak Taljan u dak ta’ Juventus. Kien ukoll membru f’diversi għaqdiet fir-raħal fosthom dik tax-Xirka tal-Isem Imqaddes ta’ Ġesù u l-Leġjun ta’ Marija.

 

Kemm dam l-Imqabba, Dun Karm ħadem ħafna għall-ġid tar-raħal. Wieħed mix-xogħolijiet li għamel fil-Knisja Parrokkjali kienet propju skrizzjoni mad-dawra tal-koppla dwar l-Assunta. Kitba bil-Latin li għadha hemmhekk sal-lum. Ta’ min jgħid ukoll li skrizzjoni oħra kienet dik maċ-ċinta tal-knisja iżda din ġiet imneħħija fi żmien il-kappillan Dun Willie Vella bl-iskop inizjali li l-kitba tinbidel minn dik tal-Latin għall-Malti. Hija veru ħasra li din l-iskrizzjoni sfortunatament ma reġgħetx saret!

 

Fil-bidu tas-snin tmenin Dun Karm Ghigo flimkien ma’ ħutu Guzeppi u Nikola kienu għaddew biċċa art lis-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V, fejn fuqha nbena maħżen kbir magħruf aktar bħala l-maħżen tan-nar tal-art. Aktar tard inxtrat biċċa art oħra biswit l-istess art fejn fuqha wkoll inbena maħżen ieħor u sala fuq l-istess żewġt imħażen. Għalhekk Dun Karm Ghigo huwa meqjus bħala wieħed mill-benefatturi tas-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V tal-Imqabba. Matul it-43 sena ta’ saċerdozju, Dun Karm serva taħt diversi kappillani fosthom; Dun Gelard Mangion, Monsinjur Carmelo Bianco, Monsinjur Anton Vella, Dun Willie Vella u Dun Joe Bartolo. Propju fis-sena 2001 Dun Karm Ghigo, li issa saħħtu kienet bdiet tbatti xi ftit, iddeċieda li jinġabar id-Dar tal-Kleru ġewwa Birkirkara sabiex ikollu l-mistrieħ neċessarju. Dam hemmhekk għal madwar sitt snin u nofs sakemm il-Mulej għoġbu jsejjaħlu.

 

L-aħħar quddiesa tiegħu ġewwa l-Imqabba kien qaddisha propju fil-festa tal-Madonna tal-Ġilju tas-sena 2006. Il-Kalċi tiegħu flimkien ma’ xi oġġetti oħra ħallihom lill-Knisja Parrokjali tal-Imqabba. Kien propju nhar il-Ħadd 22 ta’ Ġunju 2008, festa li fiha l-isqfijiet tagħna stednuna sabiex infakkru s-Sejħa tal-Madonna “Ta’ Pinu” li kienet għamlet propju 125 sena ilu lil Frangisk Portelli u lil Karmena Grima. Mar-raħal kollu għall-ħabta tal-għaxra neqsin għoxrin instemgħet mota ta’ swied il-qalb u ta’ sogħba, fejn il-knisja kienet qed tħabbar il-mewt ta’ Dun Karm Ghigo. Miet ta’ 72 sena. Il-funeral sar nhar it-Tnejn 23 ta’ Ġunju 2008 ġewwa l-Knisja Parrokkjali tal-Imqabba fl-4:00pm.

 

Il-korp ta’ Dun Karm inżamm fil-kappella ta’ San Mikiel fejn kulħadd setà jagħtih l-aħħar tislima. Wara, korteo tmexxa mill-kappella ta’ San Mikiel sal-Knisja Parrokkjali fejn saret quddiesa presente cadavere. Il-quddiesa ġiet ikkonċelebrata minn Dun Anton Gouder flimkien ma’ diversi qassisin oħra. Il-Barka tal-Aħħar ingħatatlu mill-E.T. Arcisqof ta’ Malta Mons. Pawlu Cremona nnifsu.

 

Wara, il-Banda Re Ġorġ V tas-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V tal-Imqabba akkumpanjatu f’korteo mill-knisja saċ-ċimiterju tal-Imqabba fejn anke ġie midfun f’qabar tal-qassisin. Jalla l-Mulej li għalih Dun Karm offra ħajtu kollha jagħtih il-glorja tal-Ġenna u l-mistrieħ ta’ dejjem.