Dun John Curmi

Dun John Curmi twieled iż-Żurrieq fl-24 ta’ Settembru, tal-1956.  Dun John hu iben Spiridione Curmi u Julia née Schembri (imsejħa minn Tax-Xuttu) li hija mill-Imqabba.  L-iżgħar fost ħames aħwa, Dun John trabba ma’ ħutu Phyllis, Carrie, Josephine u Emmanuel.  Hu ħa l-formazzjoni edukattiva tiegħu l-ewwel fl-Iskola tas-sorijiet taż-Żurrieq biex imbagħad kompla fl-Iskola Primarja tal-gvern tal-istess raħal.  Kompla l-istudji tiegħu fl-iskola sekondarja tal-Liceo ġewwa l-Ħamrun u wara kompla is-Sixth Form tal-Belt Valletta.  Daħal l-Università ta’ Malta fejn iggradwa fil-Baċellerat tal-Edukazzjoni (B.ed) u Baċellerat tal-Arti (B.A) fil-Filosofija.  Minn hawn, kompla l-istudji tiegħu fil-Kulleġġ tad-Dumnikani fir-Rabat fejn studja t-Teoloġija.  Hu mar Ruma jistudja fl-Università Pontifikali Ġeorġjana fejn speċjalizza fil-Missjoloġija. 

 

Dun John Curmi, sa minn età żgħira dejjem xtaq ikun qassis.  Kien daħal bħala membru fis-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl biex jikkultiva l-ħajra tiegħu biex ikun qaddej tal-Mulej.  Ġie ordnat qassis fis-7 ta’ Lulju 1985 mill-Arċisqof ta’ dak iż-żmien, Mons. Ġużeppi Mercieca.  L-ewwel quddiesa tiegħu saret fil-knisja arċipretali taż-Żurrieq fil-25 ta’ Awwissu tal-1985, fost il-ferħ kbir taż-Żrieraq u atmosfera ta’ festa, peress li kienet ġejja l-festa titulari ta’ Santa Katerina. Dun John jiftakar li kien akkumpanjat mill-Banda u xi nies jwadbulu l-fjuri tul il-proċessjoni mid-dar sal-knisja.

 

Fil-qadi ta’ dmirijietu, Dun John Curmi serva ġewwa s-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl fejn kien responsabbli mid-De Piro Youth Centre għal xi żmien.  Kien Superjur ta’ Sant’Agata għal sitt snin.  Wara dan kollu, Dun John Curmi għamel tliet snin sħaħ fil-missjoni l-Peru fejn kien jgħallem u jgħin lill-fqar ta’ dak il-pajjiż filwaqt li kien iwasslilhom l-Kelma t-Tajba u lil Kristu Ġesù.

 

Wara l-missjoni, Dun John Curmi qatta’ erba’ snin Ruma fir-raħal ta’ Vitinia.  Hu ġie lura Malta wara sebgħa snin barra minn xtutna fejn serva fil-parroċċa ta’ Ħal Kirkop għal ħmistax-il sena sħaħ.  F’dak iż-żmien kien ukoll ‘Chaplain’ tal-MCAST peress li Dun John Curmi kien jaħdem ħafna maż-żgħażagħ li tant għandu għal qalbu. 

 

Dun John Curmi ingħata l-pussess uffiċjali bħala kappillan tal-Parroċċa tal-Imqabba nhar is-Sibt, 14 ta’ Frar, 2015, proprju f’Jum San Valentinu.  Kemm ilu l-Imqabba jservi bħala Kappillan, Dun John jgħid li hija esperjenza sabiħa u li jħossu li l-poplu Imqabbi laqgħu bi ħġaru.  Jgħid li huwa mimli ħeġġa u kuraġġ hekk kif qed isib ħafna kooperazzjoni min-naħa tal-għaqdiet politiċi u kulturali, kif ukoll mill-Kunsill Lokali.

 

Is-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V tal-Imqabba tixtieq tawgura lil Kan. Dun George Spiteri ħidma pastorali fejjieda fil-Parroċċa tal-Imqabba.

 

Ad Multos Annos