Dun Frans Abdilla – Amministratur Ġunju 2012-Settembru 2012

 

Dun Frans AbdillaDun Frans Abdilla twieled ġewwa Ħal Kirkop nhar id-29 ta’ Ottubru 1956. Hu ġie ordnat qassis fid-29 ta’ Ġunju 1984, festa ta’ San Pietru u San Pawl. Wara li ħadem fil-Parroċċa ta’ Ħaż-Żebbug kif ukoll serva bħala kappillan fil-Parroċċa ta’ San Ġorġ ġewwa Ħal Qormi, fis-sena 1990 ġie appuntat bħala Direttur Spiritwali fl-iskejjel biex fis-sena 2006 beda x-xogħol pastorali tiegħu qalb iż-żgħażagħ ġewwa l-Juniour College fl-Imsida. Kienu diversi l-kummenti sbieħ u pożittivi fuq Dun Frans mingħand l-istudenti tant li ddeskrivewh bħala bniedem ġenwin u spiritwali. Ġewwa Ħal Qormi ħa ħsieb jirrestawra l-knisja minn ġewwa kif ukoll installa sistema ġdida ta’ dawl.

 

F’Awwissu tas-sena 2010, Dun Frans Abdilla ġie nnominat bħala Delegat tal-Arċisqof għall-Kleru u għall-Membri tal-Istituti tal-Ħajja Kkonsagrata. Dun Abdilla, ħa post Dun Guzepp Mifsud Bonnici, kien innominat mill-Arċisqof Pawlu Cremona u issa huwa responsabbli għall-formazzjoni pastorali, spiritwali u intelletwali tas-saċerdoti.

 

Propju f’Ġunju 2012, wara li l-kappillan Dun Nazzaren Caruana ntbgħat ġewwa d-Dar tal-Kleru għall-mistrieħ, Dun Frans Abdilla ġie appuntat bħala Amministratur tal-Parroċċa tal-Imqabba sakemm jiġi appuntat kappillan ġdid.

 

Fil-fatt l-ewwel impenn ta’ Dun Frans kienet it-tmexxija tal-festa tal-Madonna tal-Ġilju biex wara kellu diversi laqgħat sabiex setgħet issir il-festa ta’ Santa Marija wara li l-kurja ħasset li din il-festa kellha titħassar bħala rispett għall-kappillan Dun Nazzaren Caruana li miet fid-9 ta’ Lulju 2012. Minn Ġunju 2012 sa Settembru 2012 Dun Frans mexxa l-Parroċċa tal-Imqabba u jidher li l-parruċċani laqgħuh bħala l-mexxej spiritwali tagħhom. Bil-kummenti u l-metodu tiegħu kif iwassal il-kelma t’Alla, Dun Frans jirnexxielu jiġbdek lejh u tieqaf tisimgħu.

 

Ad Multos Annos.