Iċ-Ċenaklu Ħaj

 

Illum il-ġurnata, l-attivitajiet reliġjokulturali b’messaġġ spiritwali saru sinonimi mas-Sezzjoni Żgħażagħ Santa Marija tal-Imqabba. Wara s-suċċessi miksubin permezz tal-introduzzjoni ta’ diversi attivitajiet innovattivi għar-raħal tal-Imqabba fosthom il-Ġimgħa Marjana fl-2005, il-Presepju Ħaj fl-2006 u La Semana Santa fl-2007, proprju fis-sena 2009 nissilna l-idea li ntellgħu rappreżentazzjoni ħajja tal-Aħħar Ċena intitolata ‘Dan Hu Ġismi… Dan Hu Demmi’.

 

Din l-attività ttellgħet fis-sotterran ġewwa s-sede tas-Soċjetà tagħna bejn l-1 u l-10 ta’ April 2009, fil-forma ta’ Ċenaklu Ħaj li daħħal lill-viżitaturi f’atmosfera unika f’dawn iż-żminijiet ta’ riflessjoni u filwaqt li żamm il-lealtà lejn l-Iskrittura Mqaddsa. Wieħed seta’ japprezza ferm ir-reqqa li biha ġie ppreparat l-ikel, il-binja tas-sett kif ukoll il-preżentazzjoni tal-karattri. Ir-reċtar skont l-Iskrittura kien wieħed emozzjonanti ħafna li kkumplimenta ferm mal-istess atmosfera. L-istess jingħad għad-dettall u l-perfezzjoni li ntlaħqu fix-xelter tal-gwerra fejn ġie espost il-Korp ta’ Sidna Ġesù Kristu wara l-Passjoni.

 

Il-ftuħ uffiċjali sar mill-Eċċellenza Tiegħu Mons. Francis Adeodato Micallef, Isqof Emeritus tal-Kuwajt, fl-1 ta’ April, bi Programm Strumentali mill-Banda Re Ġorġ V. Fuq stedina esklussiva tas-Sezzjoni Żgħażagħ, il-Prim Ministru ta’ Malta, dak iż-żmien l-Onorevoli Dr Lawrence Gonzi kif ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni l-Onorevoli Dr Joseph Muscat, żaru dan iċ-Ċenaklu Ħaj fejn esprimew interess kbir kif ukoll komplew jinkoraġġixxu l-ħidma żagħżugħa li teżisti fis-Soċjetà tagħna.

 

It-tieni edizzjoni ta’ dan iċ-Ċenaklu Ħaj bdiet nhar it-12 ta’ April, 2011 bi Programm Strumentali mill-Banda Re Ġorġ V, taħt il-Patroċinju tal-Eċċellenza tiegħu, Eks Ambaxxatur ta’ Spanja, is-Sur Gaetan Naudi. Ta’ min isemmi l-kliem ta’ tifħir li kellu s-Sur Naudi fil-kelmtejn tal-okkażjoni li għamel għall-ftuħ ta’ dan iċ-ċenaklu, li s-Sezzjoni Żgħażagħ Santa Marija tħaddan żgħażagħ li qed jaħdmu għall-ġid tar-raħal tagħhom iżda sabiex jagħmlu unur lil pajjiżna mal-barrani. L-ambjent uniku mill-isbaħ fis-sotterran tal-każin juri li ż-żgħażagħ tagħna, għalkemm ta’ età tenera, lesti jingħaqdu sabiex jaraw isem is-Soċjetà tagħna fuq quddiem fost is-soċjetajiet Maltin.

 

L-ammont ta’ viżitaturi li żaru dawn iż-żewġ edizzjonijiet kien wieħed impressjonanti għall-aħħar fejn għal darb’oħra tkompliet tissostna bi prominenza kbira l-identità speċjali tas-Soċjetà Santa Marija f’dak li għandu x’jaqsam mal-attivitajiet tal-Ġimgħa Mqaddsa.

 

Riferenzi: It-Titular Ħarġa Speċjali fl-Okkażjoni tal-20 Sena Żgħażagħ: Iċ-Ċenaklu Ħaj, paġna 101

Scroll to Top