Guzeppi Galea

 

Guzeppi GaleaGuzeppi Galea hu iben Mikiel u Anna xebba Mallia. Twieled l-Imqabba nhar l-10 ta’ Novembru 1918 fejn għex ħajtu kollha. Guzeppi kien idoqq il-klarinett mal-Banda Sant’Andrija ta’ Ħal Luqa u wara beda jistudja l-pjanu. Dan seħħ fis-snin tletin. Ftit qabel it-Tieni Gwerra Dinjija, Guzeppi Galea beda jgħallem il-mużika fil-Każin Re Ġorġ V iżda kellu jieqaf ħesrem minħabba l-gwerra. F’dan iż-żmien insibuh idoqq l-orgni tal-Knisja Parrokkjali sakemm inqabad suldat mar-Royal Army Medical Corps. Wara l-gwerra reġa’ ntefa’ b’ruħu u ġismu għat-tagħlim tal-mużika ġewwa l-każin sabiex fis-sena 1945 twaqqfet l-Orkestra Santa Marija. Fl-istess żmien lil Guzeppi Galea nsibuh jitgħallem il-vjolinċell. Id-dedikazzjoni fil-professjoni tiegħu ta’ infermier u l-imħabba altruwista għat-tixrid tal-kultura mużikali għamlu lil Guzeppi Galea bniedem rispettat u maħbub ħafna.

 

Guzeppi kien idoqq l-orgni tal-knisja, il-vjolinċell kif ukoll il-klarinett. Kien jgħallem il-mużika ġewwa l-każin u t-tagħlim tal-mużika kien jieħdu bis-serjetà ħafna. Kien il-ħin kollu mpenjat u ma kienetx tgħaddi minuta waħda li ma kienx ikollu x’jagħmel. Guzepp kien dilettant ħafna li jarma l-presepju tal-Milied. Kien dilettant ukoll li jarma artal u kien jieħu pjaċir f’xi festa jarmaħ bil-lampieri u gandlieri flimkien ma’ statwetti tal-appostli. Guzeppi Galea, peress li kien infermier magħruf ġor-raħal u anke ġieli ma’ barra r-raħal, ħafna nies kienu jafdaw ħafna fih. Għall-marid kien jagħmel kollox biex isabbru u jarah imfejjaq. Guzeppi, kien raġel sinċier u twajjeb. Miet nhar it-18 ta’ Jannar 1980.

 

Referenzi: Estratt minn kitba tas-Sur Victor Galea iben il-Fundatur mill-ktejjeb annwali tal-Festa Santa Marija 2007

Scroll to Top